Internazzjonali

Stati Uniti-Kanada: Ma jeskludux li l-inġenji tal-ajru misterjużi setgħu kienu UFOs

L-ogħla uffiċjali mal-militar Amerikan mhumiex jeskludu li l-inġenji tal-ajru misterjużi li twaqqgħu fuq l-Amerika t’Isfel fl-aħħar jiem kienu, fil-fatt, ‘UFOs’ – jew ‘oġġetti ekstra-terrestrjali’. Din it-teorija qed tiżdied mal-possibbiltajiet l-oħra relatati għal sitwazzjoni li ħalliet ħafna mistoqsijiet mingħajr tweġiba.

L-awtoritajiet fl-Istati Uniti lanqas mhuma ċerti kif l-oġġetti – li kienu qed jirreferu għalihom bħala ‘airships’ jew ‘bżieżaq tal-ajru’ — setgħu jdumu daqstant ġranet fl-ajru mingħajr il-gwida ta’ ekwipaġġ.

Il-qawwiet tal-Istati Uniti waqqgħu erba’ minn dawn l-oġġetti f’anqas minn ġimgħa fost l-ispjegazzjoni li l-inġenji, li kienu qed jivvjaġġaw f’għoli ta’ aktar minn 6,000 metru, setgħu ħolqu problemi kbar għat-traffiku tal-ajru.

U fl-aħħar sigħat, kelliema għall-qawwiet Amerikani qalu li l-inġenji setgħu kienu ‘bżieżaq kbar tal-gass’ jew ‘tipi ta’ sistema ta’ propulsjoni’. Huma anki ħallew ‘tieqa mbexxqa’ għall-possibbiltà tal-UFOs iżda mingħajr ma provdew dettalji partikulari.

L-aħħar oġġett misterjuż twaqqa’ waqt li kien għaddej minn fuq ix-Xmara Huron f’Michigan, qrib tal-Kanada.  L-oġġett – li spiċċa mira għal fighter-jet tat-tip F-16 — kien imfisser bħala ‘struttura bi tmien naħat u bi speċi ta’ żigarelli mdendlin miegħu’. Dan  fost id-domandi persistenti dwar ‘il-veru ammont’ tal-inġenji tal-ajru li nqerdu waqt li għaddejjin fuq l-Istati Uniti u l-Kanada.

Il-Ġeneral Glen VanHerck, il-Kap Ewlieni tan-Northern Command tal-Istati Uniti qal, sadanittant, li ma hemmx indikazzjoni ta’ theddida diretta għal pajjiżu. Iżda hu tenna wkoll  li ‘mhux jikkategorizza l-inġenji bħala bżieżaq meta l-kelma ‘oġġett’ hu aktar xieraq fiċ-ċirkustanzi’. VanHerck, f’dan il-punt, irrefera għal ‘oġġetti żgħar bil-kapaċità li jiżgiċċaw mis-sistemi tar-radar’.

Filwaqt li żdiedet l-ispekulazzjoni, il-Ġeneral wieġeb għall-mistoqsija speċifika dwar  jekk l-inġenji setgħux kienu UFOs jew aljeni  bil-kumment li hu qed iħalli l-evalwazzjonijiet f’idejn is-servizzi sigrieti. Madankollu hu sostna wkoll li ‘mhu qed jeskludi xejn sa dan il-punt’.