Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) għadu kif ħabbar il-ftuħ tat-Training Initiatives Scheme (TIS), li hija skema li biha membri ta’ għaqdiet volontarji jistgħu jiksbu sapport finanzjarju fit-taħriġ tagħhom. L-iskema fiha żewġ programmi separati, wieħed għal individwi membri ta’ għaqdiet volontarji (VOs) sabiex jattendu taħriġ, u l-ieħor fuq livell organizzattiv għall-għaqdiet. It-taħriġ jista’ jkun kemm lokali jew anki barra minn xtutna fil-każ ta’ individwi, filwaqt li l-attendenza tista’ tkun kemm fiżika jew anki onlajn. Is-suġġett tat-taħriġ għandu jkun jew relatat speċifikament max-xogħol tal-VO jew inkella mal-volontarjat b’mod ġenerali.
Is-Sur Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, qal li “waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-MCVS hija li jiġi pprovdut sapport lis-settur tal-volontarjat billi jiġi inkoraġġit u jkollhom opportunitajiet għal taħriġ. Dan għandu jkompli jgħin sabiex l-għaqdiet volontarji, li tant jagħmlu xogħol siewi fis-soċjetà tagħna, jissaħħu fl-abbiltajiet u jibqgħu aġġornati fil-ħiliet li għandhom bżonn f’dinja dejjem tinbidel.”
Din l-iskema hija eliġibbli għall-għaqdiet irreġistrati bħala VO mal-Kumissarju tal-Għaqdiet Volontarji u għall-membri attivi tagħhom. L-applikazzjonijiet jagħlqu l-Ġimgħa 24 ta’ Marzu 2023.
Aktar dettalji, inkluż linji gwida ġodda, jinsabu hawn:
Taħriġ individwali: https://vofunding.org.mt/funds/125
Taħriġ fuq livell ta’ organizzazzjoni: https://vofunding.org.mt/funds/126
Din l-iskema hija amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
//= $special ?>