Internazzjonali

Turkija-Sirja: Il-mejtin mit-terremot jistgħu jirduppjaw mill-35,000 vittma kkonfermati

A man searches for people in the rubble of a destroyed building in Gaziantep, Turkey, Monday, Feb. 6, 2023. A powerful quake has knocked down multiple buildings in southeast Turkey and Syria and many casualties are feared. (AP Photo/Mustafa Karali)

L-ammont tal-mejtin mit-terremot devastanti tas-6 ta’ Frar li laqat l-inħawi tat-Turkija u s-Sirja issa qabeż il-35,000 — bin-Nazzjonijiet Uniti twissi li ċ-ċifra tal-vittmi kapaċi tkun id-doppju ta’ dan in-numru fost l-istennija għal konferma ta’ dan, matul il-jiem li ħejjin.

Il-kelliema għan-NU spjegaw li l-fażi tat-tfittxija fl-inħawi tat-Turkija u s-Sirja li ġarrbu l-agħar tat-terremot qed tavviċina t-tmiem wara jiem ta’ tħaffir qalb ir-radam u fejn anki nstabu nies ħajjin li qabel kienu magħdudin bħala mejta.

Anki fl-aħħar sigħat, komplew l-istejjer sorprendenti dwar persuni li ttellgħu qawwijin u sħaħ minn taħt it-tifrik tal-bini wara li kienu  ilhom mirdumin għal aktar minn ġimgħa mingħajr ikel u xorb.

Intant, l-ażjendi ta’ fejda, issa, qed jikkonċentraw aktar fuq il-ħteġiet immedjati ta’ kura għan-nies li ndarbu fit-terremot u għall-eluf kbar li huma kostretti li jorqdu barra wara li tilfu djarhom fit-theżżiż tal-art.

L-isforzi, fis-sigħat li ġejjin, se jibbażaw ħafna fuq il-mezzi għall-kenn, it-trasport tal-ikel u s-sistemi għall-ħarsien tas-saħħa tal-imġarrbin mit-terremot.

It-temperaturi, iżda, għandhom jibqgħu taħt iz-zero matul il-ġimgħa kollha, bis-sitwazzjoni qed tfisser sfida addizzjonali għall-ħaddiema tal-għajnuna u n-nies fit-Turkija u s-Sirja li tilfu kollox fit-terremot.

L-effetti tat-terremot huma wkoll ‘terribbli’ fis-Sirja, fejn jidher li l-mejtin qed ikunu kalkulati bl-eluf kbar.

Fl-aħħar sigħat, il-Gvern tal-Istati Uniti ħeġġeġ biex il-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, jippermetti għall-movimenti tal-kunsinni tal-għajnuna lejn iz-zoni Sirjani kontrollati mir-ribelli li qed jiġġieldu kontra l-Gvern tiegħu. Dan wara li t-theżżiż tal-art irriżulta f’qerda u imwiet fuq skala straordinarja fl-inħawi partikulari.

L-organizzazzjoni ta’ fejda bl-isem White Helmets — fil-parti kbira magħmulha mill-voluntiera — qalet li n-nies li għaddejjin minn żmien trawmatiku fis-Sirja qed iħossuhom abbandunati u diżappuntati bl-impenji għall-emerġenza minn barra.

Min-naħa tiegħu, Martin Griffiths, bħala il-Kap tan-NU b’responsabbiltà għad-distribuzzjoni tal-għajnuna lejn iz-zoni tal-emerġenza, saħaq li l-komunità internazzjonali ‘sallum falliet fid-doveri ta’ fejda għall-vittmi tat-terremot fil-Majjistral tas-Sirja.

Dan, minkejja l-appelli konsistenti lill-President Assad biex ‘inaqqas l-ostakoli loġistiċi’ għat-trasport tal-għajnuna  lejn l-inħawi Sirjani fejn hemm stazzjonati l-qawwiet,  iddominati mill-Kurdi, li qegħdin jirreżistu lir-reġim ta’ Damasku.