Binja f’Psaila Street, Birkirkara twaqqgħet bl-addoċċ u b’mod perikoluż tant li ċnagen spiċċaw mifruxin għal nofs it-triq li mijiet ta’ karozzi ta’ kuljum jgħaddu minnha… binja li tinsab ukoll biswit skola.
It-twaqqigħ tal-binja sar minn Excel Investments tal-iżviluppatur Għawdxi, Joseph Portelli taħt il-ħarsien tal-perit Maria Schembri Grima.
Ironikament, Schembri Grima hija l-President tal-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni, responsabbli li l-kostruzzjoni ssir b’mod sigur. Madanakollu, fil-filmat jidher ġebel jaqa’ u jaqbeż il-ħajt temporanju li sar bejn il-binja u t-triq.
L-Awtorità waqfet lill-President tagħha stess milli tkompli dan ix-xogħol hekk kif dan ikkawża periklu għal min seta’ kien għaddej minn hemm… wara rapporti li saru mir-residenti fl-istess triq.
Iktar tard, il-perit Schembri Grima rriżenjat b’effett immedjat mill-kariga tagħha fi ħdan l-Awtorità.