Anzjan ta’ 71 sena, mill-Imġarr li sena ilu tilef ħajtu wara f’inċident waqt ix-xogħol kawża ta’ trakk ġewwa Birżebbuġa kien intlaqat diversi drabi sakemm ix-xufier, kollega tiegħu fuq il-post tax-xogħol, induna bih. L-inċident kien seħħ fi Triq Wied il-Qoton għall-ħabta tas-1pm. Hu kien miet wara li wara li sofra ġrieħi estensivi f’rasu.
Dan ħareġ minn xhieda li ngħatat quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mill-Avukat Mario Buttigieg, espert mqabbad mill-Maġistrat inkwerenti Doreen Clarke, illum Imħallef. Davide Manunta, s-sewwieq tat-trakk qed mixli li kkawża l-mewt ta’ sieħbu Karmnu Micallef waqt li kien qed jimmanuvra fi triq dejqa, qed iwieġeb mhux ħati ta’ omiċidju involontarju.
Manunta ta’ 35 sena qed jiġi mixli b’dan ir-reat li seħħ fit-3 ta’ Frar tal-2022. L-Ispettur tal-Pulizija Jonathan Cassar kien qal lill-Qorti f’seduta preċedenti li Pulizija li marru fuq il-post sabu t-trakk kbir Leyland DAF jimblokka t-triq dejqa f’angolu djagonali.
Iż-żewġ ħaddiema kienu qed jittrasportaw xi planki lejn sit ta’ kostruzzjoni fiż-żona iżda t-trakk kien kbir wisq għat-triq dejqa u s-sewwieq ipprova jimmanuvra bi tbatija.Il-kollega tiegħu ħareġ biex jagħtih id-direzzjonijiet iżda hekk kif kien qiegħed quddiem it-trakk, intlaqat mill-vettura tqila u tkaxkar.
Dr. Buttigieg qal lill-Qorti li huwa ħa numru ta’ ritratti tal-post tal-inċident u kif dan seħħ. Qal ukoll li kien ngħaddewlu xi affarijiet personali tal-vittma. Fuq mistoqsija tal-Avukat Franco Galea, għan-nom tal-familjari tal-vittma dwar jekk kienx jagħmel sens li trakk ta’ dan id-daqs jintbagħat jaħdem f’dik it-triq.
L-Avukat Buttigieg qal li t-triq hija waħda dejqa u trakk twil ma seta jdawwar bl-ebda mod. Fil-fatt parti minnu kienet qed tisporġi barra mit-triq, lejn għalqa. Il-vittma intlaqat bir-rota tax-xellug u ntlaqat diversi drabi sakemm induna bih ix-xufier.
Ix-xhud qal li huwa kien kellem xi nies li kienu fosthom lill-akkużat u li kien wissih li għandu dritt legali tas-silenzju. Kien kellem ukoll uffiċċjal tal-Job Plus. Kif temm ix-xhieda tiegħu l-Avukat Buttigieg għadda r-relazzjoni tiegħu lill-partijiet. L-Ispettur Jonathan Cassar informa lill-Qorti li wieħed mill-patoloġisti li kellu jagħti x-xhieda tiegħu t-Tlieta filgħodu jinsab indispost minħabba li jinsab fuq xogħol barra minn Malta.
L-Ispettur informa wkoll lill-Qorti li l-Perit Richard Aquilina ukoll ma setax jattendi għas-seduta minħabba li għandu xi xogħol fuq barra, Hawn il-Maġistrat Frendo Dimech irrimmarkat bil-qawwa kollha li l-ewwel ix-xogħol tal-Qorti. “Ma jistax ikun li nġibu n-nies għalxejn, fosthom lill-akkużat il-Qorti. Dan huwa kollu ħela ta’ ħin,” hija qalet,
Meta l-Maġistrat kienet infurmata li lanqas biss ħarġet riferta fil-konfront tal-Perit Aquilina, hija rrabjat aktar u tenniet li affarijiet bħal dawn iridu jiefqu u li se tibda tieħu azzjoni dwarhom. Lejn l-aħħar tas-seduta l-Avukat Franco Galea staqsa dwar l-employer tal-akkużat, GP Borg, fejn wieħed irid jara r-responsabbilità tiegħu f’dan il-każ.
Hawn l-Avukati tad-difiża, Franco Debono u Matthew Xuereb ma qablux dwar dan bil-Qorti tgħid li l-każ huwa tal-Prosekuzzjoni u mhux tal-parte civile, bl-avukati tad-difiża jidhru perplessi dwar dan kollu. L-Avukat Galea qal li hu jrid jitkellem kemm favur kif ukoll kontra l-akkużat. Jassisti lill-Avukat Galea hemm ukoll l-Avukat Roberto Spiteri. Il-każ ikompli fl-14 ta’ Marzu fid-9.30am.