Albaniż ta’ 30 sena ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Yana Micallef Stracfrace wara li ammetta li fil-5 ta’ Ottubru tal-2017 assista u għen b’xi mod lill-ħallelin biex jikkommettu serqa ta’ ġojjellerija li kienet tlaħħaq it-€333,000. Artan Coku kellu f’idejh il-loġistika tas-serqa fejn fost affarijiet oħra kellu jiċċekkja jekk l-ħanut Diamonds International f’Tignè Point kienx fetaħ u għalhekk jinforma lill-ħallelin.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset il-fatt li Coku għen lill-Pulizija fejn minn jeddu ta nformazzjoni utli dwar kif seħħet il-“hold up.” Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati biex iħallas aktar minn €14,500 li jiġu terz mill-ispejjeż tal-Qorti li kellhom jintefqu fuq diversi esperti li nqabdu dwar dan il-każ. Ħareġ ukoll li ħsarat li saru u spejjeż biex jissewwew l-affarijiet fil-ħanut qabżu l-€65,000.
Coku nstab ħati li għen fil-loġistika dwar kif kellu jsir il-hold-up lill-ħallelin, Daniel Muka, ħuh Begtash u Ramazan Hysa li għadhom għaddejjin proċeduri fuq serqa li kienet tikkonsisti f’dehbijiet u ġojjelli li skont dak li qal lill-Pulizija Coku kellhom jintbagħtu Bari, l-Italja biex wara jinbiegħu l-Albanija. Muka jinsab mixli wkoll bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema f’Awwissu tal-2020.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti għarblet sew tliet stqarrijiet li Coku ta lill-Pulizija wara li sema’ li fil-‘hold-up’ kien indarab uffiċjal tas-sigurtà. Coku u Muka kienu ġew arrestati mill-Pulizija wara inċident li seħħ f’Paceville. L-Ispettur Mark Mercieca xehed li l-Albaniż ikkopera ħafna fl-investigazzjonijiet tant li għen lill-Pulizija jsibu s-senter li ntuża fl-inċident.
Coku qal lill-Pulizija fuq il-ħbiberija li kellu ma’ Muka, li skont hu kien il-moħħ wara din is-serqa u kien ilu jippjanah bejn sitt xhur u sena. Qal lill-Pulizija wkoll li fis-serqa kien hemm involuti wkoll ħu Muka u Hysa. Fid-Depot Coku qal li fil-ġurnata tal-‘hold-up’, Muka bagħtu Tignè biex jagħtihom sinjal b’għajnejh li l-ħanut kien miftuħ.
Tenna mal-uffiċjali tal-Pulizija li kien mar fuq il-post b’tal-linja għax ried iħaffef iżda meta wasal, is-serqa kienet diġà saret għax sab persuna mal-art fil-bieb tal-ħanut u ħafna ħġieġ. Fis-serqa, Muka u ħuh użaw parrokki u żebgħu wiċċhom biż-żebgħa. Skont Coku, Muka għażel il-ħanut ta’ Diamonds International għax kien jaf li kellu aktar oġġetti minn fejn jisraq.
Fatt importanti li l-ħati stqarr mal-Pulizija kien li Muka kien qallu li kienu hu u ħuh li sparaw għax l-uffiċjal tas-sigurtà u li dan ma kienx waqaż mal-art mill-ewwel. Qallu wkoll li kien laqtu u li ħuh spara l-aktar biex ibeżża’. Muka kien qallu wkoll li s-serqa saret għax kien hemm ħafna djun tal-familja tiegħu u kien hemm nies jistennew joqtlulu l-familja fl-Albanija. Sadanittant Muka kien qallu li se jagħtih xi flus, iżda ma ħa xejn mis-serqa.
L-Ispettur Marc Mercieca kien xehed dwar l-investigazzjoni dwar l-‘hold up’ fejn qal li kien mar mill-ewwel fuq il-post fejn kien hemm diversi kollegi minn setturi diversi tal-Pulizija. Qal li kien hemm ħsara estensiva kif ukoll persuni midruba.
Is-sidien tal-istabbiliment kienu stqarru li kienu ittieħdu diversi oġġetti ta` valur. Kien ġie stabbilit ukoll li vettura misjuba fi Triq il-Madonna tal-Ġebla fil-Gżira intużat biex l-ħallelin jitilqu mill-post. Instabet ukoll quad bikefi Triq Matthew Pulis, ġewwa tas- Sliema li kienet ukoll involuta.
Minhabba stħarriġ ulterjuri intalab mandat ta’ arrest u tfittxija ghal Daniel Muka u Batesh Muka. Fid-9 ta’ Ottubru 2017 instabu fil-gnien ta’ wara l-OK Limited il-Gżira diversi kaxxi ta’ l-ġojjelli vojta u anki ħwejjeġ imċappsin bid-demm u
parrokki u diversi basktijiet mimlija foil. George Spiteri tal-kumpanija Grants Limited infurmah li certu Artan Coku kien kera appartament fiTriq Edgar Bernard, il-Gżira u miegħu kellu jmur jgħix Daniel Muka.
Hu mar fl-appartament imsemmi li kien vojt. Artan Coku kien informa lil Grants Limited li kien ser jivvaka l-appartament. Fit 12 ta’ Ottubru 2017 ġew arrestati Daniel Muka u Artan Coku wara inċident li seħħ Paceville. Fl-14 ta’ Ottubru 2017 gie mitkellem minnu u l-Ispettur Carlos Cordina, Artan Coku li spjega l-involviment tiegħu
u għen lil Pulizija sabiex jinstab senter li intuża fl-inċident.
Ġie mitkellem tliet darbiet fejn spjega l-involviment tiegħu. Qal li stima tal-ħsarat ta’ l-istabbiliment Diamonds International kienet ta’ €10,500. Xhud interessanti kien Paul Fenech, is-sid u Managing Director ta’ Diamonds International u Classic Jewellers.
Rigward l-involviment tiegħu fil-każ li seħħ fil-5 ta’ Ottubru 2017 hu kien id-dar f’xi 10.00am. meta Dr Frances Galea Salamone ċempillu u qallu li kien hemm hold up go Diamonds International Tignè. Meta wasal il-ħanut kien hemm diġa l-Pulizijja u kien hemm il-ħġieg kullimkien. Hu sofra zewg tipi ta’ danni. Kien hemm ġojjelli neqsin u ħafna danni.
Esebixxa wkoll stima tal-gojjelli misruqa b’ total ta’ €333,499.39. Biex jissewwew il-fitting’s għamara u rħam kellu stima ta’ €54,618.37. Il-Qorti kkunsidrat ukoll l-ammont ta’ danni kbar u ammont kbir ta’ merkanzija li ittiehdet. Jigi
ukoll issottolinjat li l-ispejjez tal-esperti nominati kien ammont sostanzjali jwassal għas-somma ta’ €43,463.84.Il-ħati jrid iħallas terz ta’ din is-somma li jfissru €14,487.95. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent James Grech.