It-traffiku ta’ Jannar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ammonta għal 379,335 moviment tal-passiġġieri, jiġifieri żieda ta’ 3.6% fuq l-istess xahar fl-2019. Filwaqt li dan ir-riżultat huwa wieħed li jawgura tajjeb għall-irkupru tal-ajruport, ta’ min jinnota li ma qabiżx it-traffiku ta’ Jannar 2020, li b’418,096 moviment tal-passiġġieri baqa’ l-aktar Jannar impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Kważi 77% tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu okkupati matul ix-xahar ta’ Jannar, riżultat li wera li d-domanda għall-ivvjaġġar baqgħet b’saħħitha. Madankollu, huwa mistenni li din id-domanda tibda tbatti matul il-bqija tas-sena.
Filwaqt li f’Jannar kien hemm titjiriet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lejn 31 suq differenti, l-Italja żammet postha fil-quċċata tal-lista b’85,618-il moviment tal-passiġġieri. Ir-Renju Unit ġie fit-tieni post bi 58,836 moviment tal-passiġġieri, u kien segwit minn Franza, il-Polonja u l-Ġermanja.
Is-suq Ġermaniż, li sa issa kellu rkupru batut, ċeda r-raba’ post li kien ilu jokkupa diversi xhur lill-Polonja. Minkejja li kien hemm aktar postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn il-Ġermanja, differenza sinifikanti fl-okkupanza ta’ dawn il-postijiet, jiġifieri ta’ 92% fil-każ tal-Polonja u 77% fil-każ tal-Ġermanja, wasslet sabiex is-suq tal-ewwel qabeż lill-Ġermanja b’695 moviment tal-passiġġieri.
//= $special ?>