Footballer tat-tim ta’ Mqabba ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li saq fid-direzzjoni ta’ żewġ players ta’ Lija Athletics wara tmiem il-partita li fiha huwa kien tkeċċa fit-73 minuta, bil-partita mirbuħa mit-tim ta’ Lija bl-iskor ta’ 3-2 fil-kampjonat Challenge League, li ntlagħbet fil-ground Ċentinarju.
Iven Zammit ta’ 25 sena minn Ħal Qormi ġie mixli li bejn it-8.30pm u d-9.30pm ta’ nhar il-Ħadd li għadda f’Ta’ Qali huwa saq fid-direzzjoni ta’ Leon Muscat u Miguel Micallef. Zammit li fil-Qorti qal li jaħdem bħala storekeeper ġie mixli wkoll li bl-aġir tiegħu, kkaġuna lill-players ta’ Lija biża li kienet se tintuża vjolenza kontrihom, li saq il-karozza tiegħu Toyota IQ b’manjiera perikoluża u bla kont.
Ġie mixli wkoll li nġurja lill-allegati vittmi u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni, li kiser il-paċi pubblika b’għajjar u ġlied u li waqt li kien ħiereġ mill-ground uża kliem offensiv u abbużiv. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Veronique Dalli ma kkontestatx il-validità tal-arrest u f’isem l-akkużat wieġbet li mhuwiex ħati.
L-Avukat Dalli qalet li l-akkużat u l-allegati vittmi ma jafux lil xulxin u li wara li qala’ l-karta l-ħamra huwa qala’ ħafna tgħajjir minn players u partitarji tat-tim oppost. Hi qalet li l-akkużat għandu kondotta nadifa u li kemm ilu arrestat kellu jmur darbtejn l-isptar għall-kura. Tenniet li wara li l-players ħarġu barra mill-ground it-tgħajjir kompla tant li d-diskors li beda jsir fil-konfront tiegħu kien wieġed umiljanti.
L-Avukat difensur qalet li mhux minnu li Zammit ipprova jsuq għal fuq il-players ta’ Lija u filmati minn cameras tas-CCTV għandhom jagħtu konferma ta’ dan kollu. Hi talbet ukoll li malajr kemm jista’ jkun x-xhieda f’dan il-każ jagħtu d-depożizzjonijiet tagħhom fil-każ.
L-Avukat Dalli filwaqt li ma kkontestatx il-validità tal-arrest għamlet talba għall-pleġġ li ma ġietx ikkontestata mill-Avukat Peter Fenech li deher għall-allegati vittmi. L-Avukat Fenech huwa wkoll il-President tal-club ta’ Lija Athletics. Huwa qal ukoll li l-players ta’ Lija lesti li jaħfru lill-akkużat ta’ għemilu u kkonferma wkoll li l-players ma jafux lil xulxin.
Lanqas il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Andrew Agius Bonello u Clayton Camilleri ma oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest sakemm ikun hemm ikun hemm il-protezzjoni għall-players ta’ Lija. Il-Qorti laqgġet it-talba għall-pleġġ u mponiet ordni ta’ protezzjoni fuq Iven Zammit, li jiffirma l-Għassa ta’ Ħal-Qormi bejn is-6am u 3pm. darba fil-ġimgħa, li jippreżenta l-passaport u l-karta tal-identità fil-Qorti biex ma jkunx jista’ jsiefer u jiddepożita 300 ewro u garanzija personali ta’ 10,000 ewro.
//= $special ?>