Lokali

“Il-bniedem jikber imma l-imħabba ma tixjieħx”

Intervista mal-koppja Noel u Anna Buhagiar, li għexu aktar minn 40 sena flimkien u issa jinsabu f’dar tal-anzjani flimkien ukoll

Ix-xahar id-dieħel – fit-23 ta’ April – Noel u Anna jagħlqu 40 sena miżżewġin. Minkejja dawn is-snin kollha flimkien – u kienu ilhom li ltaqgħu u bdew joħorġu flimkien minn sentejn qabel – it-tnejn isostnu li qatt ma ġiet ġurnata waħda li fiha ħassew li għamlu żball jew li kieku kellhom imorru fis-snin kienu jagħmlu xi ħaġa differenti. Isostnu li kienu flimkien u għal xulxin fil-mumenti sbieħ taż-żgħożija u issa jinsabu qrib xulxin u għal xulxin ukoll f’dar tal-anzjani.

 Iltqajt ma’ din il-koppja simpatika proprju fir-residenza fejn qegħdin jgħixu flimkien bħalissa – Casa Maria f’Tas-Sliema, waħda mid-djar residenzjali għall-anzjani mmexxija minn Care Malta. Huma kellhom biss kliem ta’ tifħir kemm għall-ambjent u anki għall-attenzjoni li jingħataw mill-carers ta’ din id-Dar.

Irrid ngħid li kienet sorpriża għalija li meta mort f’din ir-residenza biex nintervista koppja għal Jum San Valentinu, sibt eks kollega tiegħi ta’ medialink communications u għalhekk ma kellix bżonn naħli ħin biex nintroduċi ruħi.

Staqsejthom mill-ewwel lil Noel u Anna x’jiftakru mill-ewwel laqgħa tagħhom, u ħadthom lura fil-memorja għal 42 sena sħaħ.

Noel qalli li l-ewwel laqgħa tagħhom kienet ukoll fit-23 ta’ April, l-istess data taż-żwieġ imma ta’ sentejn qabel, l-1981.

“Kienet okkażjoni providenzjali għax iltqajna f’attività b’invit li għaliha la kont mistieden jien u lanqas Anna. Kien ġie fuqi kollega tiegħi mill-Belt, illum mejjet, u qalli: ‘Illejla sejjer attività soċjali ta’ Manuel Bonnici, kandidat tal-PN mill-Belt, trid tiġi miegħi?’ Jien skantajt għax dan bilkemm kien ikellimni, imma għedtlu iva, niġi. Illum ngħid kemm ħadmet il-providenza t’Alla dakinhar.”

Kompla jirrakkonta Noel bi tbissima fuq wiċċu: “Dħalna l-każin u għajnejja mill-ewwel marru fuq mara attraenti, b’xagħarha aħmar, l-għonq mgħolli… u għedt mill-ewwel bejni u bejn ruħi: Din hi!”

Interrompejt ftit lil Noel għax kelli kurżità kif Anna sabet ruħha fl-istess post fl-istess okkażjoni.

“L-istedina kienet għall-kuġina tiegħi Antoinette, li stednitni mmur magħha f’dan l-istess riċeviment ta’ Manuel Bonnici.”

Dakinhar Noel qagħad ftit lura, imma kif intemm ir-riċeviment ma ħalliex l-okkażjoni taħrablu. Mar fuqha u qalilha “trid noħorġu flimkien?” Anna rrispondietu mill-ewwel: “Iva, mela le.”

L-appuntament kien għall-għada. U minn dakinhar bdiet relazzjoni li s’issa ilha għaddejja 42 sena. L-għerusija ta’ Noel u Anna kienet qasira. Deher mill-ewwel li l-koppja kienu maħluqin għal xulxin. Sena wara għamlu l-engagement u s-sena ta’ wara żżewġu.

“Lanqas naf kif għaddew minn fuqna dawn is-snin kollha,” ikkummenta Noel. “Kellna l-ups and downs bħal kulħadd, imma qatt ma kellna mument li ddispjaċiena għall-pass li ħadna li ngħixu flimkien il-ħajja miżżewġa. Tfal ma kellniex, għax Anna kellha tliet miscarrages, imma dejjem konna hemm għal xulxin.”

Ix-xogħol tal-koppja

Noel beda l-ewwel xogħol tiegħu l-istamperija ta’ The Times of Malta imbagħad ħadem snin twal fl-Istamperija Indipendenza mal-gazzetti In-Nazzjon u Il-Mument. Beda fuq il-Linotype u mbagħad meta nqalbet is-sistema tal-istampar għal waħda moderna tgħallem il-computer u ttrasferixxa ruħu għad-dipartiment tar-reklami minn fejn spiċċa ta’ 58 sena minħabba saħħtu.

Anna min-naħa tagħha wara li spiċċat il-Form V fl-Immaculate Conception bdiet il-karriera tagħha ta’ ħajjata maz-zija tagħha u mbagħad marret l-Ingilterra titgħallem tħit il-purtieri. Meta ġiet lura kienet taħdem bħala salesgirl f’Tas-Sliema u bħala part-time job baqgħet tħit il-purtieri għal-lukandi u vilel. Wara ħadmet ukoll f’ħanut tad-deheb f’Ta’ Qali u wara ż-żwieġ waqfet għal ftit imma mbagħad reġgħet qabdet ix-xogħol ta’ salesgirl għal 25 sena sħaħ.

Tgħid li madankollu qatt ma naqsitu f’xejn lil żewġha. “Naħdem jew ma naħdimx dmiri lejn ir-raġel dejjem għamiltu… meta ġie mix-xogħol dejjem sab il-patt tal-ikel lest, anki meta kien jiġi qabli d-dar.”

L-imħabba għal dejjem?

Illum iċ-ċirkostanzi ġabuhom f’din id-dar residenzjali f’Tas-Sliema. Noel qal li hu għadu joħroġ u kapaċi jfendi għal rasu, isajjar u jaħsel il-ħwejjeġ… “Jiena stajt ma ġejtx hawn. Imma xtaqt niġi magħha hawn, 24 siegħa kuljum. Għexna dawn is-snin kollha flimkien u ma ridtx inħalliha weħidha issa. Għedt aħjar inkun ħdejha biex ngħinha mill-aħjar li nista’… irrid li noqogħdu flimkien, immutu flimkien u nindifnu flimkien.” Fil-fatt Noel u Anna, f’din id-dar, qegħdin f’kamra waħda, litteralment 24 siegħa kuljum qrib xulxin.

Fakkarthom fil-wegħda ta’ 40 sena ilu meta waqt ir-rit taż-żwieġ inwiegħdu li nħobbu lil xulxin ‘għal dejjem’. Imma llum għadha tagħmel sens il-wegħda ‘għal dejjem’? Temmnu li l-imħabba bejn koppja tista’ verament tibqa’ ħajja għal dejjem?

Weġbuni flimkien b’kelma waħda u mingħajr l-ebda eżitazzjoni għal din il-mistoqsija: “Nemmen”.

Mument ta’ skiet u Anna kompliet: “Jiena nemmen li meta konna qed ngħidu iva fuq l-artal, ma konniex waħedna jien u Noel, mexxiena dejjem il-Bambin. Aħna minn dakinhar sal-lum qatt ma rqadna mingħajr ma ngħidu talba żgħira u nbusu ’l xulxin. Ngħidu ‘inħobbok’ lil xulxin, u norqdu.”

Staqsejthom ukoll x’inhu s-sigriet tal-imħabba, li tagħmel dawk is-snin kollha u ma tiddejjaq qatt fil-kumpanija ta’ xulxin. Weġibni Noel: “Trid ċertament paċenzja, trid commitment u trid ħafna tolleranza, mhux li tgħid int biss, trid tisma’ n-naħa l-oħra u tiżen flok taħseb li int dejjem għandek raġun.”

Kompliet Anna: “Jiena ngħid għalija nħoss li iktar ma kbirt l-imħabba lejn żewġi kibret miegħi.”

L-intoppi minħabba s-saħħa

Mhux kollox kien ward u żahar fil-ħajja ta’ din il-koppja. Kien għad kellu ftit aktar minn ħamsin sena meta wara ċerti testijiet li għamel, lil Noel it-tobba qalulu li għandu kanċer, tip ta’ lewkimja. Tirrakkonta Anna: “Darba mort inżuru l-isptar u Noel qalli: ‘It-tabib irid ikellmek’. Kien l-assistent tal-Professur. Mort l-uffiċċju tiegħu u poġġejt bilqiegħda. Ma tantx dam jomgħodha. Qalli: ‘Lesti ruħek għax jekk inhu kif qed naħseb jien, żewġek xahrejn baqagħlu ħajja’.”

Ma kinetx qed tistennieha dik l-aħbar Anna. “Ħassni ħażin u waqajt fl-art.” Kif ġiet f’tagħha marret ħdejn Noel u nfaqgħet tibki. “Hu beda jsabbarni, qalli ħallih jgħid li jrid, jiena ma nħossx li għandi dik il-marda. Tinkwetax, jien mhux se mmut.

“Kien l-aħħar tas-sena, kien is-Sibt, u l-għada l-Ħadd tista’ taħseb kif għaddejtha l-ewwel tas-sena! L-għada tal-ewwel tas-sena kont id-dar illestilu xi ħaġa tal-ikel biex neħodhielu l-isptar, u ċempilli, jibki fuq it-telefon u jgħajjat: ‘Jien m’iniex se mmut, jien m’iniex se mmut, ejja, ejja għalija.’ Għedtlu x’ġara? Qalli: ‘Għax ġie l-Professur u bagħatni d-dar. Qalli vera ħsibna li kien hemm xi traċċi ta’ xi ħaġa li kienet fil-bidu imma r-riżultati ħarġu tajbin ħafna u tista’ tmur id-dar u sserraħ rasek.’ Jiena bkejt ukoll bil-ferħ, qas ridt nemmen.”

Il-wegħda li għamlet… u li żammet!

Kompliet tirrakkonta Anna… “Aħna u ħerġin mill-Isptar San Luqa, mgħannqin ma’ xulxin, għaddejna minn quddiem il-kappella u rajt minn barra l-Kurċifiss, u dort u dħalt ftit. ‘Għedtlu grazzi Ġesù, jiena ħaġa waħda nista’ noffrilek, għax jien la nixrob u lanqas inpejjep. L-aktar ħaġa li nħobb hija l-ġelat. Inwiegħdek li sakemm jagħlqu l-għatu tat-tebut tiegħi ġelat ma nieħu qatt iżjed’.”

Għaddew 17-il sena minn din il-ġrajja. U l-wegħda Anna żammitha u determinata li żżommha sal-aħħar. Skont Noel, “jien ma kienx jirnexxili żgur inżommha għal dawn is-snin kollha… ġieli ġibnielha ġelat quddiemha u ngħidulha tagħmel eċċezzjoni, imma żżomm soda u ma tmissux. Darba kellimni patri u qalli li jien nista’ nagħtiha l-permess li twaqqafha din il-wegħda, imma hi ma tridx…” “Għax jien ma nilgħabx bl-affarijiet ta’ Alla,” interrompietu Anna, “dik wegħda għal għomri.”

San Valentinu

Staqsejthom x’jaħsbu fuq il-festa tal-lum… San Valentinu. “Togħġobna għax hija festa li tiċċelebra l-imħabba,” qalli Noel. “Qabel fil-gazzetti kien ikun hemm paġni b’messaġġi żgħar lill-maħbubin u jien kont dejjem nibgħat wieħed lil Anna… ngħidilha I love you, mingħajrek ma nistax ngħaddi… u nixtrilha rigal. Issa l-affarijiet inbidlu xi ftit imma anki hawn niċċelebrawha din il-festa. Il-carers jieħdu ħsiebna ħafna u jħobbuna… u din is-sena se jiġbru l-koppji tal-homes kollha ta’ Care Malta f’Villa Messina, ir-Rabat, biex nieklu flimkien. Affarijiet sbieħ li jferrħuna u jżommuna kuntenti.”

Noel spiċċa l-intervista jispjegali kemm jieħu ħsieb martu, anki jekk matul il-lejl jismagħha tokrob b’xi weġgħa f’idejha jew f’saqajha. Iqum u jimmassaġġaha.

“Imma qatt ma ġie mument li ddispjaċieni għall-pass li ħadt 40 sena ilu. Issa qed nikbru, nixjieħu, jiena 73 sena u Anna 74. Imma l-imħabba baqgħet l-istess bħalma dejjem kienet. L-imħabba ma tixjieħ qatt. Deċiżi li nibqgħu nieħdu ħsieb xulxin sal-aħħar.”