Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna:  Twissija li Putin qed jaħseb biex jirranka l-konflitt

L-Alleanza tan-NATO qed twissi li l-President tar-Russja Vladimir Putin qed jaħseb biex iwettaq offensiva militari jerġa’ aktar qalila fuq il-poplu tal-Ukrajna u meta d-difensuri Ukreni jinsabu fi ħtieġa urġenti għal aktar munizzjon.

Dan meta l-Ukreni u daqstant ieħor ir-Russi qed jiffaċċjaw il-problemi bil-provvisti tal-munizzjon għaliex il-gwerra qed tirriżulta f’wisq battalji intensivi.

Fl-ewwel kummenti waqt laqgħa tal-Alleanza fi Brussell, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg,  tenna li ‘Putin qed iħejji għat-tkomplija tal-gwerra’ filwaqt li wissa dwar ‘l-importanza tal-aspetti ta’ loġistika’ fid-dawl tal-attakki imminenti mill-qawwiet tal-Kremlin.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti, Lloyd Austin, qal li l-Alleati ta’ Kiev jeħtieġu jibqgħu konċentrati mija-fil-mija fuq din is-sitwazzjoni meta l-jiem li jmiss għandhom ikunu kruċjali għall-futur tal-Ukrajna,

Austin irid li l-Alleati tal-Punent jintensifikaw l-għajnuna lill-Ukrajna għaliex, skont hu, ir-Russja qed tistenna għaż-żmien meta l-Punent jonqos mill-appoġġ u s-sostenn tiegħu lill-Gvern tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.

U filwaqt li l-Ukrajna qed tkompli titlob aktar armamenti – inklużi fighter jets — mingħand il-Punent, il-Kremlin ta’ Moska, fl-aħħar sigħat, ikkundanna l-aħħar laqgħa għall-Uffiċjali tad-Difiża tal-Punent bil-kumment li ‘in-NATO hi organizzazzjoni ostili li kuljum qed turi l-ostilità tagħha lejn ir-Russja’.

Ir-Russja, illum, intensifikat l-assedju fuq il-belt ta’ Bakhmut, lejn il-lvant tal-Ukrajna u li hi importanti ferm għall-istrateġiji militari ta’ Moska.

Iżda waqt li r-Russi qed jirreferu għal ‘suċċessi’ fil-battalji ħorox għall-kontroll tal-belt, il-Ministeru tad-Difiża Britanniku insista li l-militar ta’ Putin ftit li xejn għamel il-progress fl-avvanzi lejn iz-zoni tan-nofsinar ta’ Bakhmut.