Hekk kif it-Tlieta wara nofs inhar kellu jitkompla l-każ tal-job fantażma li ngħata mill-middleman fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia minn persuni qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-kumpilazzjoni kellha tiġi differita minħabba li l-Pulizija ddikjarat li m’għandhiex aktar provi xi tressaq u bħalissa qed tistenna li tingħata gwida minn naħa tal-Avukat Ġenerali, risposta mingġandu li sa issa baqgħet ma ngħatatx.
Keith Schembri, li huwa l-eks chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia flimkien mal-eks kap tal-‘customer care’ fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Sandro Craus, l-eks Segretarju privat fil-Ministeru tal-familja Anthony Ellul u l-eks CEO ta’ Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd Anthony Muscat qed jiġu akkużati b’serq u miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.
Ix-xogħol fantażma kien ingħata lil Melvin Theuma ħames xhur qabel l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, liema xogħol huwa stess qal li qatt ma talab għalih u li minkejja li ma ħadimx għal minuta beda jirċievi ċ-ċekkijiet id-dar, flus li ħarġu mit-taxxi tal-poplu.
Fl-1 ta’ Frar li għadda l-avukati tal-akkużati talbu lill-Qorti biex tiddikjara mitmuma l-kumpilazzjoni tal-evidenza min-naħa tal-Prosekuzzjoni. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija m’għandhiex aktar provi xi tressaq u li ma rċeviet l-ebda risposta mill-Avukat Ġenerali dwar jekk fadliliex provi xi tressaq.
Id-Difiża qalet li l-kortesija titlob li l-Ispettur jiddikjara li m’hemmx aktar provi x’jitressqu u li l-avukati tal-AĠ iridu jiddikjaraw li m’għandhomx aktar provi xi jressqu. Theuma kien ingħata xogħol fil-kumpanija Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd.
Fil-Qorti fl-2019, Theuma kien qal li kien ingħata x-xogħol wara li ltaqa’ ma’ Schembri li dak iż-żmien kien għadu Chief of Staff. Theuma qal li wara li Yorgen Fenech qallu biex isib lil min iwettaq l-assassinju ta’ Caruana Galizia, hu kien ċempel jinfurmah li Craus kellu jkellmu. Craus kien għamel appuntament sabiex Theuma jiltaqa’ ma’ Schembri f’Kastilja.
Theuma kien qal li kien ingħata tour f’Kastilja fejn ħadu wkoll xi ritratti flimkien. Kien qal ukoll li kien jirċievi ċekk kull xahar mingħajr ma kien jaħdem f’dan ix-xogħol imma li wara l-elezzjoni tal-2017, waqaf jirċievi dawn iċ-ċekkijiet. Yorgen Fenech qed ikun rappreżentat mill-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo huma avukati difensuri ta’ Schembri.
Għal Anthony Muscat qed jidher l-avukat Stefano Filletti. L-avukati Vince Micallef u Ryan Ellul qed jirrappreżentaw lil Anthony Ellul. L-avukati Michael Sciriha u Lucio Scriha qed jiddefendu lil Sandro Craus. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Nicholas Vella u Brian Paul Camilleri. Il-Maġistrat Monica Vella qed tisma l-każ li ġie differit għall-15 ta’ Marzu.
//= $special ?>