Lokali

Is-separazzjoni tal-iskart se tkun mandatorja għal kulħadd minn April li ġej

Minn nhar it-Tlieta 14 ta’ Frar, ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern żewġ avviżi legali li ser idaħħlu fis-seħħ is-separazzjoni mandatorja tal-iskart, wara li f’Novembru li għadda l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mexxiet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dawn ir-regoli ġodda.

Xahrejn wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, fl-14 t’April li ġej, is-separazzjoni tal-iskart se ssir mandatorja għal kulħadd, kemm għan-negozji, għaqdiet u entitajiet governattivi, kif ukoll għall-iskart li jinġabar mid-djar. Dan ifisser li mhux se tkun tista’ tarmi skart organiku fil-borża s-sewda, iżda trid tpoġġih bilfors fil-borża l-bajda. L-istess jgħodd għall-iskart riċiklabbli, bħall-plastik u karti u materjali oħrajn, li ma jistax jintrema aktar fil-borża s-sewda, iżda trid bilfors tpoġġih fil-borża l-griża biex ikun jista’ jiġi riċiklat. Il-ħġieġ ukoll ma jistax jitpoġġa fil-borża s-sewda jew fil-griża, iżda jrid jiġi sseparat għalih u jinġabar kull l-ewwel u t-tielet Ġimgħa tax-xahar, hekk kif diġa fis-seħħ.

Madankollu, sabiex il-pubbliku jidra dawn ir-regolamenti ġodda, fl-ewwel sitt xhur, bejn April u Ottubru ta’ din is-sena, l-awtoritajiet se jiffokaw fuq l-edukazzjoni u l-għarfien ta’ din il-liġi ġdida. Waqt dan il-perjodu, dawk li jinqabdu jarmu l-iskart fil-borża l-ħażina, ser jingħataw twissija. Wara dawn is-sitt xhur, minn Ottubru, dawk li jinqabdu jarmu l-iskart fil-borża l-ħażina jistgħu jeħlu multi ta’ €75 għan-negozji u €25 għall-iskart mid-djar u organizzazzjonijiet mhux kummerċjali. Dawn il-multi jirduppjaw għal €150 u €50, rispettivament, jekk tinqabad tarmi l-iskart ħażin b’mod ripetut.

Uffiċjali tal-ERA u ta’ entitajiet oħrajn se jibqgħu jagħmlu spezzjonijiet kontinwi fit-toroq f’kull lokalità sabiex jiġi żgurat li l-boroż tal-iskart jinħarġu barra d-djar fil-ġranet tajbin u li l-iskart jiġi sseparat fil-boroż differenti kif stipulat fir-regolamenti l-ġodda. Dan anke wara li fil-bidu ta’ Jannar li għadda l-kunsilli reġjonali, li huma responsabbli mill-ġbir tal-iskart mid-djar f’isem il-kunsilli lokali, bdew joperaw skeda ġdida nazzjonali għall-ġbir tal-iskart.

Minbarra l-ġbir tal-iskart bieb bieb, ir-residenti f’Malta u Għawdex jistgħu jkomplu jużuw ukoll metodi oħrajn, fosthom l-iskart riċiklabbli fl-ibins u l-bring in sites, fir-roadshow truck u s-civic amenity sites ta’ WasteServ Malta, kif ukoll is-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff tal-kunsilli lokali.

Aktar tagħrif dwar kif għandek tissepara l-iskart jinsab f’dawn il-linji gwida: https://www.wsm.com.mt/en/waste-separation-guide

Aktar tagħrif:

F’dawn l-aħħar ftit snin l-ERA rat progress sinifikanti fis-separazzjoni tal-iskart li jinġabar bieb bieb. Dan anke grazzi għall-kampanji ta’ tagħrif u l-inizzjattivi edukattivi biex il-pubbliku jitgħallem kif għandna nisseparaw l-iskart. Fil-fatt, minn sena għal oħra, l-ammont ta’ skart esportat għar-riċiklaġġ żdied. Madankollu, madwar 40% tal-iskart li jintrema fil-borża s-sewda, huwa skart organiku (tal-ikel), li suppost jintrema fil-borża l-bajda biex jiġi ipproċessat għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa. Dan ifisser li dan l-iskart qed jispiċċa mormi fil-miżbliet meta jista’ jinbidel f’riżorsa. L-istess japplika għall-iskart riċiklabbli, hekk kif ħafna materjali li jistgħu jitpoġġew fil-borża l-griża għadhom jintremgħu fil-borża s-sewda.

Bl-introduzzjoni tas-separazzjoni tal-iskart mandatorja, l-awtoritajiet qed jaħdmu biex inkomplu ntaffu l-impatti tal-iskart fuq l-ambjent, hekk kif aktar ma nisseparaw l-iskart b’mod tajjeb, inqas ikun hemm bżonn miżbliet. Bħalissa, 90% tal-iskart muniċipali f’Malta jispiċċa fil-miżbliet. Il-mira nazzjonali skont il-Pjan tal-Ġestjoni tal-Iskart ta’ Malta 2021-2030, u skont id-direttivi dwar l-iskart u l-miżbliet tal-Unjoni Ewropea hi li sas-sena 2035, l-iskart muniċipali li jispiċċa fil-miżbliet jonqos għal 10%