Il-Gvern tas-Sirja qabel li jiftaħ żewġ aċċessi oħra mal-fruntiera bil-ħsieb li jaslu aktar kunsinni tal-għajnuna lin-nies li sofrew l-effetti tat-terremoti kbar tal-ġimgħa l-oħra. Dawn in-nies partikulari jinsabu fiz-zoni Sirjani lejn il-Majjistral, li huma kkontrollati mill-ġellieda tal-Oppożizzjoni.
Dan il-pass mistenni jagħmel ‘differenza kbira’ għall-isforzi tal-għajnuna għall-eluf tal-imġarrbin mit-terremoti tas-6 ta’ Frar li laqtu lit-Turkija u s-Sirja u li ħallew mal-40,000 mejtin fiż-żewġ pajjiżi.
Intant, ħafna Sirjani huma rrabjati dwar in-nuqqas ta’ għajnuna lejn l-inħawi tal-pajjiż li sofrew l-akbar impatt tat-theżżiż. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-President Sirjan, Bashar al Assad, qed iwaħħal id-diffikultajiet għall-isforzi tal-għajnuna fis-sanzjonijiet li l-Punent qiegħed jimponi fuq is-Sirja.
Madankollu, il-gruppi internazzjonali għall-għajnuna qegħdin jikkundannaw bis-sħiħ it-tmexxija ħażina tal-Gvern Sirjan għal din is-sitwazzjoni u fejn issemma l-fatt li ‘Assad qed jirrifjuta li jippermetti l-għajnuna lejn iz-zoni kontrollati mir-ribelli li qegħdin jirreżistu lir-reġim ta’ Damasku.’
Mietu talanqas 6,000 fis-Sirja b’kaġun tat-terremoti waqt li tilfu ħajjithom 34,000 oħra fit-Turkija fejn ‘il fuq minn miljun spiċċaw mingħajr dar.
L-aħħar rapporti referew għal omm Sirjana u t-tarbija li nħelsu ‘darbtejn fl-ispazju ta’ ġimgħa’ mill-fdalijiet tad-dar meqruda f’Jindayris, fis-Sirja. L-omm kienet ilha tqila għal seba’ xhur meta parti mid-dar tagħha ċediet fit-terremoti u hi spiċċat twelled l-isptar ftit wara, minkejja li sofriet il-ġrieħi ħfief. L-omm u t-tarbija, imbagħad, irritornaw f’darhom li ċediet kompletament tlett jiem wara – u bit-tarbija (tifel) jispiċċa dikjarat f’kundizzjoni kritika mit-tobba.
//= $special ?>