Internazzjonali

Iżrael: Aktar protesti ħorox kontra r-riformi għall-Ġustizzja min-naħa tal-Gvern

F’Iżrael bħalissa qed isiru l-akbar dimostrazzjonijiet ta’ protesta għal snin meta diversi segmenti tal-poplu qegħdin jipprotestaw bl-aħrax dwar il-pjani tal-Gvern biex jirriforma lill-Ġudikatura tal-pajjiż.

Il-blueprint għar-riforma radikali żera d-diżgwid kbir qalb is-soċjetà Iżraeljana u n-nies qed jibżgħu li – f’każ li l-pjani jgħaddu mill-Parlament – il-Qorti Suprema Iżrealjana għandha tispiċċa vulnerabbli fost it-telf ta’ poter fejn jidħlu issues ġudizzjarji partikulari.

F’każ ta’ theżżiża fis-settur ġudizzjarju, tista’ tfeġġ anki sitwazzjoni fejn maġġoranza sempliċi fil-Parlament Iżraeljan (il-Knesset) tkun biżżejjed biex tannulla l-verdetti tal-Ogħla Qorti ta’ Iżrael.

U f’din is-sitwazzjoni għandek, fuq naħa, il-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu li jinsisti li r-riformi għandhom isaħħu lid-demokrazija f’Iżrael – u fuq in-naħa l-oħra, il-kritiċi li qed jirrappreżentaw kull qasam tas-soċjetà u li jinsistu li d-demokrazija għandha tingħata daqqa ta’ ħarta kbira ‘jekk kemm-il darba l-Gvern jieħu dak li jrid’.

Intant, il-kelliema fost id-dimostranti qalu li huma fid-dmir li jipprotestaw, ġimgħa wara ġimgħa, kontra Amministrazzjoni ‘li qed thedded l-ispirtu ta’ Iżrael, minbarra l-poter tas-sistemi legali stabbilita.’

Fil-fatt, id-dimostrazzjonijiet ta’ rabja dwar ir-riformi pjanati għall-ġudikatura qed jispikkaw, kull ġimgħa, fl-ibliet Iżraeljani li ma jridux ‘ġudikatura politiċizzata’ inkella sitwazzjoni li kapaċi twassal għal ‘Gvern awtoritarju’.

Il-Prim Ministru Netanyahu – li qed imexxi l-aktar Gvern radikali tal-lemin fl-istorja ta’ pajjiżu – qal li s-sistema ġudizzjara f’Iżrael mhix waħda demokratika ‘bħalma teżisti fil-preżent’. Dan meta l-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament elett tal-pajjiż jistgħu, bħalissa, jinqalbu mill-Qorti Suprema Iżraeljana.

Iżda l-President ta’ Iżrael, Isaac Herzog, wissa li – kif inhuma l-affarijiet — il-pajjiż kollu jinsab f’xifer ta’ kollass minn aspett kostituzzjonali u soċjali.

L-istqarrija ta’ Herzog hi wkoll sinifikanti għaliex huma rari l-każi fejn il-Presidenti ta’ Iżrael jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet politiċi u meta l-kariga dejjem kienet meqjusa (f’Iżrael) bħala simbolu għan-newtralità politika.