Ivan Castillo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-parlament li l-pajjiż jeħtieġ jieħu deċiżjonijiet urġenti dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Meta kien qed jitkellem dwar l-Att dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, Ivan Castillo tkellem dwar l-importanza tas-sostenibbiltà fis-settur marittimu u kompla li l-pajjiż għandu jnaqqas it-tniggiż marittimu. Hu qal li ma jistax ikun li drenaġġ jibqa’ jkun immpumpjat filbaħar u spjega kif l-impjant tal-Mellieħa hux jilħaq mad-domanda bil-konsegwenza li d-drenaġġ qed jintrema fil-baħar.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li jeħtieġ li ssir l-infrastruttura f’postha biex tilħaq maż-żieda fil-popolazzjoni. Sitwazzjoni oħra hi dik tal-ilma tat-tisfija u qal li l-bdiewa mhux biss għandu jkollhom l-ilma iżda jeħtieġ ikun assigurat li l-għelieqi ma jinfaqgħux meta jsiru l-maltempati.
Hu tkellem dwar il-fuels iktar nodfa u sostna li qed ikun hawn vapuri li se jibdew jaħdmu bi fuels alternattivi fejn il-magni qed jinbidlu għal-LNG. Malta ma tistax tibqa’ lura u għalhekk għadha ssir liġi għall-ħażna ta’ dawk il-fuels alternattivi.
Sfida oħra hi l-irmiġġi tal-jottijiet fejn jeħtieġ li jkun hemm iktar organizzazzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex isiru postijiet fejn il-jottijiet ikunu jistgħu jorbtu. Jeħteġ li dan ukoll ikun inkluż fl-istrateġija nazzjonali dwar il-jottijiet.
Ivan Castillo tkellem dwar l-erużjoni fir-ramel fil-bajjiet u fakkar kif il-miljuni li ntefqu fil-Bajja tal-Balluta ma tawx riżultati pożittivi għaliex ir-ramel reġa’ mar il-baħar. Hu qal li anki l-proġett tat-tkabbir tal-Bajja tal-Għadira jidher li mhux se jitwettaq.
Meta tkellem dwar il-ħaddiema, Ivan Castillo qal li fis-settur tas-saħħa iktar qed jitilqu iktar ħaddiema milli jidħlu. Hu kompla li jeħtieġ li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu dawk attraenti biex iktar żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur.
Hu qal li kien grazzi għall-ħidma tal-MEP David Casa li ħadem għad-direttiva dwar il-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja iżda l-gvern daħħal biss l-inqas miżuri possibbli.
Ivan Castillo kompla li għandu jkun hemm l-istess ħlas għall-ħaddiema li jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol. Id-deputat Nazzjonalista kompla li, f’Malta, 54% tal-ħaddiema huma taħt il-kwalifiċi neċesssarji li jfisser hemm 35% li għandhom kwalifiċi iktar minn dawk li qed jużaw f’xogħlhom u għalhekk mhux qed isibu l-opportunitajiet.
Jirriżulta li 10.3% tan-nisa huma iktar kwalifikati mix-xogħol li qed jagħmlu, sostna Ivan Castillo, li kompla li n-nisa mhux qed ikollhom l-istess opportunitajiet ta’ impjiegi għall-kwalifiċi li għandhom.
Jirriżulta li l-gvern mhux juża’ r-riżorsi tal-ħaddiema b’mod għaqli propju għaliex qed joffri impjiegi mhux sostenibbli mal-gvern; hemm 41% tal-ħaddiema li jinsabu f’din is-sitwazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern mhux jagħmel inizjattivi fit-twelid tat-tfal fejn hemm inqas minn 4,000 wild ġdid fis-sena.
Dwar il-kwalità tal-ħajja, id-deputat Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni barra minn Malta hi waħda li fiha l-pagi minimi qed jiżdiedu ferm iktar minn dik ta’ Malta. Hu semma’ l-kwalità tal-arja u qal li hawn 7,000 tunnellata ta’ CO2 fl-arja minħabba li l-inżul tal-ajruplani qed ikun gradwali.
Hu semma’ l-investiment fl-ispazji ħodor u qal li l-gvern qed jonfoq il-flus biex jixtri artijiet biex isiru spazji ħodor waqt li art fil-Mellieħa li hi tal-gvern issa se jtiha għall-bini. Dan ma jagħmilx sens, sostna Ivan Castillo, li appella biex din l-art titneħħa minn fuq l-avviż tad-Dipartiment tal-Artijiet.
//= $special ?>