Graziella Attard Previ, PN
Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ appellat biex jinstabu soluzzjonijiet għall-immigranti li ma jkunux rikonoxxuti iżda li jkunu ilhom jgħixu f’malta għal snin twal u jkunu integraw fis-soċjetà.
Fl-Aġġornament tal-parlament, Graziella Attard Previ semmiet l-immigranti rregolari kunsidarti bħala failed asylum seekers u qalet li dawn jinsabu fil-qiegħ tas-soċjetà u jgħixu f’sitwazzjoni miżerja fejn anki huma abbużati.
Jeżistu każi ġenwini, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li sostniet li kulħadd għandu jkollu drittijiet umani. Hi rrikonoxxiet ukoll l-inkwiet tal-Maltin minħabba l-ammont kbir ta’ barranin li nġiebu jaħdmu u jgħixu f’Malta b’nuqqas ta’ ippjanar mill-gvern Laburista.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li dawn l-immigranti ilhom Malta għal ħafna snin fejn minħabba l-istatus li għandhom issa qed jgħixu fil-limbu. Hi semmiet raġel ta’ ftit iktar minn 30 sena li wasal Malta meta kellu 20 sena mill-Mali.
Dan hu pajjiż fqir fejn hemm inkwiet politiku kbir, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li dan ir-raġel tejjeb lilu nnifsu, tgħallem l-Ingliż, jaħdem u hu maħbub minn kulħadd.
Graziella Attard Previ qalet li dan hu każ ta’ failed asylum seeker u sostniet li dawn il-persuni huma fil-bżonn ta’ portezzjoni u ma jistgħux jintbagħtu pajjiżhom. L-iktar xewqa ta’ dan ir-raġel hi li jirregolarizza l-istatus tiegħu jew li jingħata karta ta’ identità; bħalu hemm oħrajn. M’hemmx tama li dawn il-persuni jmorru lura pajjiżhom.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dawn il-persuni għandhom police card li tiġġedded kull xahrejn. Fl-2018 inħarġet skema li tagħti għarfien li dawn l-immigranti iżda jidher li l-gvern m’għandux pjan li jerġa’ jiftaħ din l-iskema.
Hi staqsiet x’se jsir minn dawn in-nies li jinsabu f’Malta u ma jistgħux jmorru lura f’pajjiżhom. Malta m’għandha qatt twarrab il-ħniena. Għandhom jinħarġu kriterji għal iktar soluzzjonijiet, speċjalment għal dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn l-immigranti mhux possibbli jriitornaw. Id-deputat Nazzjonalista appellat biex kulħadd jiftakar li dawn huma persuni li wkoll jistħoqqilhom l-aħjar possibbli.
//= $special ?>