Lokali Parlament

Karl Cini jisfida r-ruling tal-Ispeaker u jerġa’ ma jixhidx dwar l-Electrogas

Id-Direttur ta’ Nexia BT Karl Cini ma rrispettax u sfida ruling tal-Ispeaker billi reġa’ ma weġibx mistoqsijiet fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Il-Kumitat kien presedut miċ-Chairman u deputat Nazzjonalista Darren Carabott waqt li d-deputati Nazzjonalisti David Agius u Graham Bencini rrappreżentaw lill-Oppoiżżjoni. Il-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Clayton bartolo, mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellu u d-deputati Laburisti Glen Bedingfield u Cressida Galea.

L-uniku xhud fis-seduta tal-PAC kien id-Direttur ta’ Nexia BT Karl Cini.

Qabel xehed Karl Cini, l-Oppożizzjoni qalet li riedet tagħmel numru ta’ mistoqsijiet bil-kitba lill-Enemalta dwar dak li seħħ fil-power station ta’ Delimara li jinkludu jekk nhar il-Ħamis li għadda, it-tanker tal-gass, kienx maqlugħ minn mal-moll minħabba l-maltemp, f’liema ġranet kien maqlugħ, jekk din id-deċiżjoni tteħditx minħabba prekawzjoni ta’ periklu, x’alternattiva hemm meta jinqala’ t-tanker, f’liema stanzi t-tanker jinqala’ minn mal-moll u xi proċedura tintuża.

Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li l-funzjoni tal-Kumitat hi li jinvestiga l-kuntratt tal-power station u għalhekk dawn il-mistoqsijiet jistgħu jsiru fil-forma ta’ mistoqsija parlamentari. Għalhekk il-gvern ma qabilx li dawn il-mistoqsijiet isiru lill-Enemalta.

Iċ-Chairman Darren Carabott sostna li dawn il-mistoqsijiet huma rilevanti għaliex jitrattaw l-infieq li għamlet l-Enemalta.

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li hemm differenza bejn talba mill-PAC u mistoqsija parlamentari u sostna li dawn il-mistoqsijiet huma rilevanti għar-rapport dwar il-power station tal-Electrogas.

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li r-rilevanza toħroġ mill-fatt li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jitratta l-ħażna fuq l-art u fuq it-tanker.

Id-domandi tal-Oppożizzjoni tpoġġew għall-vot fejn l-erba’ deputati tal-gvern ivvutaw kontra u t-tliet deputati tal-Oppożizzjoni ivvutaw favur. Għalhekk il-proposta tal-Oppożizzjoni m’għaddietx.

Wara dan il-vot, issejjaħ ix-xhud Karl Cini assistit mill-Avukat Tonna Lowell. Iċ-Chairman Darren Carabott qara parti mir-ruling tal-Ispeaker li fih kien speċifikat li xhud jista’ ma jweġibx biss meta jkun imputat b’reat kriminali relatati mal-każ jew jekk ikun se jinkrimina lilu nnifsu.

Mistoqsi biex jipprovdi d-dettalji tal-proċeduri kriminali li hemm fil-konfront ta’ Karl Cini, l-Avukat Tonna Lowell semma’ proċeduri kontra Brian Tonna fejn Karl Cini hu akkużat b’ħasil ta’ flus fejn il-provi għadhom miftuħin u inkjesta maġisterali fejn Karl Cini hu suspettat.

L-Avukat Tonna Lowell qal li l-akkuża ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Karl Cini huma mifruxa fuq 14-il sena u fl-akkuża m’hemmx riferenza għal xi każ jew ieħor mill-2005. Hu sostna li d-domandi li saru fl-aħħar laqgħat tal-PAC dwar relazzjoni ta’ Karl Cini ma’ persuni oħra jimpinġu fuq inkjesta maġisterjali u fuq il-kawżi li hemm. L-Avukat Tonna Lowell qal li r-ruling jagħti dritt tas-silenzju lil Karl Cini u ma eskludiex li l-kwistjoni tal-power station tista’ titqajjem fil-kawżi kontra Karl Cini.

L-Avukat Tonna Lowell qal li ma jistax jeskludi li jkun hemm akkużi dwar il-power station minħabba li l-inkjesta għadha miftuħa. Wara li l-Kumitat kien sospiż biex l-Avukat Tonna Lowell u Karl Cini jispeċifikaw liema partijiet tax-xhieda qed jagħmlu riferenza għalihom, l-Avukat Tonna Lowell baqa’ jsostni l-punti li kien semma’ biex Karl Cini ma jixhidx u żied li l-akkużi għadhom perdjodu ta’ żmien enomri u l-Prosekuzzjoni qatt ma speċifikat l-akkużi. Karl Cini ma kien bl-ebda mod involut fil-proċess tal-Electrogas, sostna l-Avukat Tonna Lowell.

Iċ-Chairman Darren Carabott qal li Karl Cini hu direttur ta’ Nexia BT u għalhekk qed isiru l-mistoqsijiet lilu. Hu qal li l-pożizzjoni ta’ Karl Cini issa se tingħadda lill-Ispeaker biex jagħti l-gwida tiegħu.

L-Avukat Tonna Lowell oġġezzjona għall-mistoqsijiet kollha u sostna li l-pożizzjoni ta’ Karl Cini taqa’ fil-kuntest tar-ruling tal-Ispeaker. Darren Carabott beda jistaqsi diversi mistoqsijiet lil Karl Cini iżda ix-xhud baqa’ jsostni li mhux se jwieġeb.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott għamel diversi mistoqsijiet oħra u qal li kien se jagħmel mistoqsijiet ulterjuri għal dawk tal-aħħar stess.

Il-mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Darren Carabott kienu jekk Karl Cini jistax jeskludi li l-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri ma kellhomx x’jaqsmu mal-Electroagas, jekk il-kumpaniji fil-Panama nfetħux fl-istess żmien li Nexia BT kellha x’taqsam mal-proġett tal-power station, jekk Nexia BT kinitx avviċinata minn Konrad Mizzi biex iwettqu att ta’ korruzzjoni, jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri semmewlux dan it-tender u jekk jafx li Nexia BT irċevietx ittra mid-Direttur tat-Taxxi Interni li mhux se titħallas taxxa mill-Electrogas. Karl Cini irrifjuta li jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.

Wara li ħareġ ix-xhud, Darren Carabott qal li kien se jagħmel talba oħra lill-Ispeaker dwar in-nuqqas ta’ xhieda minn Karl Cini anki wara l-ewwel ruling tal-Ispeaker.

Is-seduta kienet aġġornata sakemm jingħata ruling mill-Ispeaker.