Lokali Parlament

L-interconnector qed jingħasar għax il-gvern investa biss għall-bnazzi

Mark Anthony Sammut, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li l-interconnector qed jingħasar għax il-gvern investa biss għall-bnazzi.

Mark Anthony Sammut qal li l-enerġija hi komponent importanti fl-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u sostna li s-sussidji li qed jingħataw wasslu biex din tibqa’ affordabbli. Dan minkejja li kien beda aġġustament biex in-nies jieħdu l-flus lura minn dak li ħallsu żejjed iżda l-poplu ma ħax dak kollu li kien ħallas żejjed fit-tmien snin ta’ qabel.

Hu sostna li dak li seħħ fi tmiem il-ġimgħa meta nqata’ d-dawl kien ta’ lezzjoni għal ħafna u kompla li l-gvern ma kienx onest u trasparenti mal-poplu dwar dak li seħħ.

Il-gvern mhux qed jgħid li meta bdiet il-maltempata nhar il-Ħamis filgħaxija, it-tanker tal-commissions f’Marsaxlokk, fil-11 pm, beda’ jinqala’ minn postu.

Dan ifisser li l-power station tal-Electrogas kellha tintefa’ għax ma jkollhiex sors ta’ gass u magħha tintefa’ wkoll nofs il-power station tal-BWSC.

Ħaddiema li kienu xogħol sostnew li l-proċess ma sarx qabel beda l-maltemp imma sar b’riskju kbir wara li kien beda l-maltemp u għalhekk il-ħaddiema għamlu tliet siegħat jissaraw mat-tanker biex jinqala’ mal-moll li kien marbut miegħu. Dan it-tanker inħareġ fil-pożizzjoni li jkun fiha fil-maltemp.

Għalhekk, f’dan il-mument, il-pajjiż kien qed jistrieħ fuq l-interconnector, fuq żewġ magni u fuq nofs il-power station tal-BWSC; liema proġetti li kien investa fihom gvern Nazzjonalista.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-investiment li għamel gvern Laburista qed irendi biss fil-bnazzi u sostna li t-tanker iddaħħal lura s-Sibt filgħaxija u ngħata l-gass l-Ħadd filgħodu. Jirriżulta li fi tmiem il-ġimgħa kollha, l-interconnector kien qed jingħasar skont il-kapaċità tiegħu.

Mark Anthony Sammut qal li l-informazzoni mgħotija mill-Italja dwar l-użu tal-enerġija hi waħda trasparenti iżda f’Malta m’hawn trasparenza ta’ xejn. Wasal iż-żmien li l-gvern ikun onest u din l-informazzjoni ssir aċċessibbli. Il-gvern lanqas hu lest jippubblika din l-informazzjoni dwar snin ilu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li kieku ma kienx għall-investiment ta’ gvern Nazzjonalista, fil-maltemp il-pajjiż jieqaf totalment. X’jiġri jekk jinqala’ l-maltemp meta l-interconnector ikun qed jissewwa?

Dwar id-disktribuzzjoni tal-enerġija, id-deputat Nazzjonalista qal li hawn vultaġġ instabbli li qed iwassal għal ħsara fl-affarijiet domestiċi tad-djar. Minkejja din is-sitwazzjoni ta’ qtugħ ta’ dawl, l-Enemalta ma pprovdietx servizz ta’ informazzjoni telefonika għall-pubbliku. Il-prijorità kienu l-Montenegro u l-Panama fl-aħħar 10 snin, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li n-network m’għadux jiflaħ għall-ħtiġijiet li hawn.

Id-deputat Nazzjonalista qal li Konrad Mizzi u sħabhom li gawdew mill-korruzzjoni, għadhom barra jaraw l-affarijiet jiżvolġu.

Hu tkellem ukoll dwar l-enerġija rinvolabbli u qal li fl-aħħar 10 snin ma sar xejn konkret fejn il-gvern warrab ir-riħ fl-enerġija rinovabbli waqt li investa fil-Montenegro. Il-pajjiż għandu bżonn investiment f’enerġija rinovabbli fuq il-baħar kif kien ippjana Gvern Nazzjonalista; Malta għandha l-potenzjal li ssir ċentru f’dan is-settur.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar is-saltna tad-dritt fuq livell nazzjonali b’istituzzjonijiet effettivi, kif isemmi fir-rapport tal-gvern dwar is-sostenibbiltà.

Hu kkritika l-operat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li għamel diversi żbalji fosthom fil-każ fejn twaqqgħet l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil lil Darren Debono fil-hold up tal-HSBC u diversi każi oħra, inkluż il-każ tal-Bank Pilatus fejn issa għadda ż-żmien u ma jistgħux jttieħdu passi.

Mark Anthony Sammut qal li l-Prim Ministru jiftaħar li jitkellem mal-maġistrati meta dan imur kontra l-kodiċi ta’ etika u sostna li l-gvern qed ifalli wkoll fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni fil-ħabs fejn tfajla anki kkommettiet suwiċidju wara li talbet biex tingħata trattament iżda kienet rifjutata.

Dan flimkien ma’ numru ta’ suwiċidji oħra fil-ħabs fejn fi tliet snin 13-il persuna tilfu ħajjithom fil-ħabs u min kien responsabbli ngħata promozzjoni. L-iskop tal-gvern hu biss li jkompli jkattar il-kultura ta’ impunità biex jibqa’ jagħmel dak li jrid.