Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ma weġibx dwar x’seħħ nhar il-Ħamis għadda waqt il-maltempata meta t-tanker tal-gass f’Delimara kellu jinħareġ ‘l barra mill-moll u għalhekk l-enerġija kienet tiddependi biss minn fuq l-interconnector tant li nqata’ d-dawl għal numru ta’ siegħat.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut staqsa lill-Ministru Miriam Dalli f’liema ħin it-tanker inqala’ minn mal-moll nhar il-Ħamis li għadda, kemm dam il-proċess biex it-tanker ikun ankrat mill-ġdid u kemm l-interconnector ta’ enerġija lill-Enemalta sal-Ħadd fil-għodu.
Il-Ministru Miriam Dalli ma wieġeb l-ebda waħda minn dawn il-mistoqsijiet u qalet biss li s-sitwazzjoni kienet waħda ta’ tempesta kbira fil-pajjiż b’riħ u baħar qawwi fejn l-interconnector ġarrab ħsara. Hi qalet li l-gvern hu kburi b’kull sors tal-enerġija għax dawn jaqdu l-ħtiġijiet tal-pajjiż u sostniet li fit-tempesti hemm proċedura li t-tanker jinħareġ minn mal-mill. Hekk sar f’din il-maltempata, sostniet il-Ministru Dalli.
F’mistoqsija parlamentari oħra d-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut ta dettalji dwar kemm kienet għaddejja enerġija mill-interconnector bejn nhar il-Ħamis u l-Ħadd li għadda u qal li l-ħaddiema għamlu tliet siegħat jiġġieldu mat-tanker għax ma kienx hemm pjan biex jinħareġ qabel il-maltempata. Hu staqsa lill-Ministru Dalli li kieku dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa ġara fi żmien l-interconnector li jkun bil-ħsara, kif se tkun fornuta l-enerġija għall-pajjiż.
Il-Ministru Dali qalet li llum hawn kapaċità ta’ 750 megwatt. L-interconnector mhux biżżejjed; il-power station hawn bżonnha, sostniet il-Ministru Dalli.
//= $special ?>