Pajjiżna jixraqlu korp tal-Pulizija li jaqdi l-interessi tal-ġustizzja u mhux l-interessi tal-klikka fil-poter. Jixraqlu serħan il-moħħ li l-forsi tal-ordni jimxu b’integrità u jiġġieldu l-ħażen.
Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina meta t-Tlieta filgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem id-Depot fil-Floriana.
Robet Aquilna saħaq li għalkemm għaddew iktar minn sentejn u nofs minn meta Angelo Gafa inħatar Kummissarju tal-Pulizija, fil-Korp baqa’ ma nbidel xejn minn kif kien jitmexxa taħt l-amministrazzjoni preċedent ta’ Lawrence Cutajar.
Huwa qal li fl-aħħar xhur Angelo Gafa ta iktar importanza lill-kampanja ta’ marketing fosthom żebgħa mal-karozzi u uniformijiet ġodda għall-Pulizija iżda s-sustanza baqgħet l-istess kif kienet…. Korp li jipproteġi lil klassi ta’ persuni, lill-kriminali u l-ħbieb tal-ħbieb.
Robert Aquilina saħaq li kien hemm tliet każijiet fejn suppost ittieħdet azzjoni mill-Korp iżda ma sar xejn. Fosthom l-evidenza b’saħħitha li għandu f’idejh il-Korp b’rabta ba’ 2 eks uffiċjali għolja li wettqu reati serji… li wasslu tagħrif sigriet tal-Pulizija b’rabta mal-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Huwa żvela l-ismijiet ta’ tliet persuni li dwarhom jeżistu biżżejjed provi biex jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ – Silvio Valletta, Keith Schembri u Yorgen Fenech.
It-tieni każ huwa dwar kif ix-xhud tal-istat Vince Muscat qal li l-eks Ministru Laburista Chris Cardona beda jattwa pjan sabiex tinqatel Daphne Caruana Galizia. U quddiem din l-informazzjoni, Robert Aquilina qal li l-Kummissarju Angelo Gafa qed jibqa’ ċass u bl-aġir tiegħu qed jirredikola lill-Korp u lill-pajjiż.
It-tielet każ huwa dwar kif diversi diretturi tal-Gvern inqabdu jisirqu l-flus iżda sal-lum dawn il-flus għandhom ma ntraddux lura. Bil-Korp mhux biss ma ħa ebda passi talli qas biss investiga dan il-każ.
Il-President ta’ Repubblika sostna li dawn il-każi kollha huma turija ċara ta’ Korp li huwa maħtuf politikament… l-istess korp simbolu tal-impunita bħalma kien taħt Lawrene Cutajar… bid-differena li Angelo Gafa qed jiddemoralizza lill-Korp inġenerali.
//= $special ?>