Internazzjonali

Stati Uniti: Il-White House jiċħad kategorikament għall-preżenza tal-UFOs….bl-ispekulazzjoni qed tkompli

Il-White House f’Washington qed jiċħad bla riservi għall-possibbiltà li l-oġġetti misterjużi li fl-aħħar jiem dehru għaddejjin minn fuq l-Istati Uniti setgħu kienu UFOs inkella forom oħra ta’ xi preżenza ekstra-terrestrijali.

Is-Segretarju Stampa tal-White House, Karine Jean-Pierre, ippruvat isserraħ ras il-poplu li ma hemm l-ebda provi ‘tal-aljeni fosthom’ waqt li – bħala ċajta – irreferiet għall-famuż film ‘ET’ li jitratta l-istorja ta’ aljen simpatiku li jispiċċa fid-dinja tagħna u fejn jagħmel il-ħbieb li jippruvaw minn kollox biex jirritornawh fil-pjaneta ta’ oriġini.

Madankollu – u minkejja l-messaġġi assiguranti – l-ispekulazzjoni qed tkompli fost il-poplu, bl-istqarrijiet uffiċjali dwar l-inġenji tal-ajru li twaqqgħu fuq l-Istati Uniti ma jikkonvinċux lil ħafna. Ir-rapporti, s’issa, irreferew għal bżieżaq tal-ajru enormi jew inġenji ffurmati bħal ċilindri u li kienu mingħajr ekwipaġġ.

Il-Ġeneral Glen VanHerck, il-Kap Ewlieni tan-Northern Command militari tal-Istati Uniti, fil-bidu tal-ġimgħa ma riedx jikkommetti ruħu għall-possibbiltà li l-inġenji tal-ajru setgħu kienu ‘indikazzjoni ta’ aljeni’ iżda hu ma eliminax għal kollox din il-possibbiltà.

U waqt li l-White House qed jitkellem uffiċjalment dwar din it-tema, l-Uffiċjali f’Washington komplew jinsistu dwar il-preżenza ta’ hekk-imsejħa ‘spy balloons’ taċ-Ċina fl-ispazju tal-ajru tal-Istati Uniti.

Il-militar Amerikan fl-aħħar sigħat ikkonferma li l-iskwadri għat-tfittxija rkupraw is-sensors ta’ bużżieqa tal-ajru mill-Oċean Atlantiku. Instabu ‘fdalijiet sinifikanti’ f’dik iz-zona, bl-ogħla uffiċjali militari jikkonfermaw anki l-identifikazzjoni tas-sensors u elementi elettroniċi oħrajn tal-inġenju.

Il-bużżieqa – jew allegat ‘spy balloon’ – inkwistjoni kienet l-ewwel waħda li twaqqgħet mill-fighter-jets tal-Istati Uniti u l-FBI, bħalissa, għaddejja b’investigazzjoni tal-fdalijiet tal-inġenju li, skont l-awtoritajiet Amerikani, kien qed jintuża għall-missjonijiet ta’ spjunaġġ fuq is-siti militari sensittivi.

Il-fighter jets tal-Istati Uniti waqqgħu tliet inġenji tal-ajru simili mindu konfrontaw l-ewwel allegat ‘spy balloon’ fl-4 ta’ Frar li għadda. Intant, kienu anki rkuprati sezzjonijiet kbar tal-ewwel inġenju – inklużi numru ta’ antennas —  ‘il hinn mill-kosta ta’ South Carolina.

Il-Gvern Amerikan, s’issa, għadu jisħaq li l-bużżieqa partikulari tal-ajru oriġinat fiċ-Ċina u kienet qed tintuża għal sorveljanza sigrieta, Madankollu, iċ-Ċina wieġbet li l-inġenju kien parti minn programm għall-moniteraġġ tat-temp u li dan kien ħareġ mir-rotta pjanata, fost il-konsegwenzi drammatiċi.