Lokali

Telqa kbira fit-toroq li qed twassal għal ħsarat fil-karozzi

L-ewwel kellna l-famuża pothole ta’ Ian Borg fil-Marsa u issa għandna l-pothole ta’ Aaron Farrugia fl-Imrieħel.

Sitwazzjoni tal-biki li sabu ma’ wiċċhom numru ta’ sewwieqa t-Tnejn filgħaxija meta kienu qed jirritornaw id-dar wara ġurnata xogħol…u spiċċaw ġarrbu ħsarat sostanzjali fil-karozzi tagħhom, minħabba l-istat diżastruż li tinsab fiha l-bypass tal-Imrieħel.

Bis-sewwieqa kellhom jiefqu mal-ġenb tat-triq; min jistenna lil tat-towing, u min jipprova jifhem kif din it-triq spiċċat fi stat daqshekk ħażin.

Kienu għexieren il-karozzi li ġarrbu ħsarat. U dan minħabba żewġ ħofor enormi f’din it-triq prinċipali, li huwa bil-wisq diffiċli biex tevitahom.

U bħalma jiġri dejjem… iridu jsiru l-ħsarat u l-inċident biex tittieħed azzjoni… hekk kif it-Tlieta filgħodu waħda mill-ħofor ingħatat laqta tarmak ta’ malajr….bit-tkissir li hemm ezatt biswitha, għadu hemm.

Intant, wara li s-siti socjali ta’ Net News ippubblikat dan il-filmat…ir-rabja tas-sewwieq kienet evidenti. Bosta kienu dawk illi kkummentaw li mhux ġust li minħabba Gvern  irresponsabbli, qed jispiċċaw iħallsu minn buthom għal dawn il-ħsarat.

Ma naqsux ukoll kummenti bħal ‘Ħallas Ġaħan’ jew Toroq Aħjar Għalik’.. b’oħrajn jikkummentaw li jrid jiġri xi inċident fatali biex tittieħed azzjoni… fejn imbagħad ikun tard wisq.  Toroq li m’għadhomx siguri biex issuq fihom speċjalment għas-sewwieqa tal-muturi.

Ma naqsux ukoll baraxx ta’ kummenti oħra mill-pubbliku dwar problemi oħra li ta’ kuljum qed jaffaċċjaw fit-toroq Maltin fosthom fit-triq li minn Golden Bay tagħti għax-Xemxija, Triq il-Mosta f’Ħal Lija, u nfrastruttura diżastruża f’Ħ’Attard, Birkirkara, l-Ibraġġ, San Ġwann, is-Swieqi u anke fit-triq magħrufa bħala t-telgħa ta’ Alla u Ommu.

B’kummenti oħra jgħidu li pajjiżna spiċċa farsa sħiħa bi  Gvern li għolla l-liċenzja tal-karozzi iżda t-toroq baqgħu fi stat diżastruz.

Quddiem dan kollu il-Ministru responsabbli, Aaron Farrugia, spicca kompletament assenti – Ministru li daħal f’kontroversja wara l-oħra. Ftit tal-ġimgħat ilu kellna l-problema tal-promenade tal-Imsida u issa din tal-pothole tal-Imrieħel. Farsa wara l-oħra… bir-rabja tal-pubbliku dejjem tikber.