Wara ħafna stennija għall-fażi tal-aħħar sittax, il-UEFA Champions League irritornat fuq nota tajba hekk kif Milan kisbu rebħa importanti f’ San Siro biex b’hekk jersqu pass iktar viċin għall-kwalifikazzjoni tal-fażi tal-kwarti finali. Fil-partita l-oħra Bayern Munich rebħu barra minn darhom permezz ta’ gowl fit-tieni taqsima ta’ Kingsley Coman.
L-ex plejer ta’ PSG Kingsley Coman kien l-awtur tal-gowl tar-rebħa hekk kif sab ix-xibka fl-54 minuta meta minn kross tas-sostitut Alphonso Davies ikkonkluda tajjeb fil-baxx u għeleb għal kollox lil Donnarumma. Paris Saint Germain ġew viċin sabiex jiksbu d-draw meta fl-74 minuta Mbappe tefa’ ġewwa minn save ta Yan Sommer li salva minn xutt ta’ Neymar, pero b’xorti ħażina għal Les Parisans l-attakkant Franċiż kien f’pożizzjoni irregolari. Fil-81 minuta Kylian Mbappe reġa sab ix-xibka minn kross fil-baxx ta’ Nuno Mendes, madankollu għal darb’oħra l-gowl tħassar hekk kif Nuno Mendes din id-darba kien jinsab f’pożizzjoni irregolari. Fit-92 minuta Bayern Munich spiċċaw il-partita b’10 plejers hekk kif tkeċċa Benjamin Pavard li kkometta foul ikrah fuq Lionel Messi li wassal għat-tieni karta safra tiegħu, b’hekk id-difensur Franċiż se jitlef it-tieni rawnd fl-Allianz Arena li se tintlagħab fit-8 ta’ Marzu fid-9pm.
L-ewwel u l-unika gowl tal-logħba f’ San Siro wasal mill-attakkant ta’ Milan Brahim Diaz li xeħet ġewwa wara li l-ewwel konlużjoni ta’ Theo Hernandez giet salvata minn Forster. Il-gowl ta’ Diaz kien biżżejjed biex jagħti r-rebħa lil Rossoneri fl-ewwel konfront tagħhpm kontra Tottenham. It-tieni rawnd se jintlagħab fit-8 ta’ Marzu fid-9pm fil-Tottenham Hotspurs Stadium.
Għada żewġ partiti oħra tal-fażi tal-aħħar sittax fid-9pm, hekk kif Borussia Dortmund se jaffrontaw lil Chelsea fil-Westfalenstadion, filwaqt li Club Brugge se jilgħabu kontra Benfica fil Jan Breydel Stadium.
//= $special ?>