Lokali

“Wake-up call oħra… il-Gvern għadu rieqed” – PN

Jidher li dawk li l-Ministru Miriam Dalli sejħet bħala wake-up calls li l-Gvern tal-Labour kellu s’issa, anke jekk uħud minnhom ħallew vittmi, ma kienux biżżejjed biex jieħu azzjoni effettiva ħalli tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u is-sigurtà, kemm tal-professjonisti u l-ħaddiema fis-siti tal-kostruzzjoni, kif ukoll ta’ terzi persuni li joqgħodu jew ikunu qrib dawn is-siti. Mill-banda l-oħra, hu ċar li l-Gvern qed jieħu ħsieb l-interessi ta’ persuni li appunta biex imexxu l-awtoritajiet u li suppost qegħdin hemm biex jipproteġu lil ħaddiema u liċ-ċittadini.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit f’isem il-PN, fejn tkompli li r-rapporti dwar it-twaqqiegħ perikoluż u mhux skont il-method statement, b’ammont ta’ ġebel u terrapien jaqbeż l-ilqugħ u jispiċċa f’nofs ta’ triq b’periklu serju għan-nies, juri b’mod ċar li bejn il-ħafna kliem sabiħ u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.Il-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, jenfasizza li l-Gvern tal-Labour ħoloq proċessi b’bottle necks frustranti, bi xkiel għal kommunikazzjoni u bi rwoli addizzjonali li jagħmlu s-siti tal-kostruzzjoni saħansitra aktar perikolużi minħabba li l-linji ta’ responsabbiltà llum huma aktar konfużi.

Biex jitfa’ l-melħ fuq il-ferita, il-Gvern appunta numru ta’ persuni f’diversi livelli tal-awtoritajiet ikkonċernati li, jew m’għandhomx il-kompetenzi meħtieġa jew għandhom konflitt ta’ interess ċar u għalhekk ma jistgħux jaqdu dmirhom kif mistenni minnhom.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dan in-nuqqas ta’ governanza tajba, nuqqas ta’ serjetà u nuqqas ta’ kontabbiltà u apatija kbira min-naħa tal-Gvern ma jawguraw tajjeb xejn biex ikollna governanza tajba, dixxiplina u infurzar fil-postijiet ta’ kostruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista japprezza l-azzjoni mill-Uffiċjali tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) f’dawn iċ-ċirkostanzi, li waqfet ix-xogħlijiet, anke jekk kellhom ikunu ir-rapporti tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinsisti li l-istess Awtorità u awtoritajiet oħrajn għandhom jingħataw l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jkunu aktar pronti, severi u effettivi fl-azzjonijiet tagħhom.
Sadanittant, il-Gvern għadu ċass jistenna wake-up call oħra.