Il-kumpanija Polidano Bros Ltd saħqet li ħadmu skont ir-regolamenti u l-istruzzjonijiet tal-professjonisti.
Dan b’rabta ma’ dak li seħħ matul il-jum tat-Tlieta fejn filmat ippublikat online wera ġebel jaqa’ għal nofs tat-triq f’Birkirkara minn sit ta’ kostruzzjoni.
Fi stqarrija ntqal li l-kumpanija kienet mqabbda mill-iżviluppatur u sid Excel Developments Ltd sabiex jieħdu ħsieb il-proċess biex titwaqqa’ binja fi Triq Salvu Psaila f’Birkirkara.
Huma saħqu li skont il-proċedura inħareġ Method Statement ippreparat mill-perit mqabbad mill-iżviluppatur fejn ġie identifikat il-proċess ta’ twaqqigħ fis-sit.
Għaldaqstant inbenda ħajt għas-sigurtà sabiex is-sit jinqata’ miż-żoni tal-madwar….filwaqt li t-triq biswit is-sit ingħalqet minħabba n-natura tax-xogħol involut.
Il-kumpanija insistiet li tul il-ħidma kollha ntużaw inġenji speċjalizzati skont l-istruzzjonijiet tal-iżviluppatur u l-perit.
Il-Ġeneral Manager ta’ Polidano, Ian Napier saħaq li l-kumpanija mhux se tkun qed taċċetta sitwazzjoni fejn l-iżviluppatur ifarfar ir-responsabbilitajiet morali u legali fuqhom meta huwa stess kien fl-obbligu li jieħu ħsieb il-proġett u jintervjeni jekk kien hemm xi azzjonijiet li ma kienux qed jinħadmu skont l-istruzzjonijiet.
Huwa temm jgħid li l-kumpanija se tkun qed tara u tikkunsidra x’pożizzjoni se tieħu b’rabta mar-relazzjoni professjonali li għandha mal-iżviluppatur. Filwaqt li saħaq li l-multa imposta mill-awtoritajiet hija kemm mhux ġustifikata kif ukoll barra minn lokha.
//= $special ?>