Ma jafx meta se jibda u wisq aktar meta se jitlesta
Mill-2013. 10 snin. Minn kemm ilha amministrazzjoni Laburista fil-Gvern.
Daqshekk ilu l-Gvern tal-Labour iwiegħed u jiżżufjetta bid-dilettanti tal-Karnival dwar il-famuż villaġġ li ilu jgħid li ser iwettaq fil-Marsa.
L-aħħar wegħda saret fil-Manifest Elettorali tal-Labour tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Wegħda umru 754; kumpless għall-arti u l-kultura fil-Marsa li fih ukoll il-famuż villaġġ tal-Karnival.
S’issa, sas-sena 2023, 10 snin wara d-dilettanti tal-Karnival għadhom jaħdmu l-karrijiet fi mħażen bi pjanċi li ma jservu xejn ta’ ilqugħ mill-elementi fejn saħansitra diversi persuni saħqu li fil-maltemp, barra u ġewwa ma tagħmilx differenza għaliex xorta jkollhom jgħattu l-karrijiet bil-plastik….għaliex is-soqfa jqattru.
Fl-aħħar xhur Net News staqsa lill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici fhiex wasal dan il-proġett fejn kien insista li l-ħidma b’rabta ma dan il-proġett għadha trid tibda, u saħaq li se ssir applikazzjoni taħt il-pakkett ta’ fondi ewropej.
Net News għalhekk staqsa lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonett dwar dan kollu, fejn inizjalment meta semgħa bil-kelma karnival kważi kien se jinfaqa’ jidħak…. filwaqt li ammetta li l-applikazzjoni għal fondi tal-villaġġ għadha ma saritx.
Tajjeb li wieħed isemmi li fl-aħħar budget tal-Gvern għas-sena 2023….ma ssemma l-ebda Villaġġ tal-Karnival. Dan kollu jfisser li d-dilettanti tal-Karnival se jkunu stennew sa mill-inqas 11-il sena biex jibdew jużaw il-famużi mħażen għal dawk l-artisti li, suppost, huma għal qalb il-Gvern Laburista.
//= $special ?>