Lokali

“Ħtieġa urġenti li l-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna tiġi aġġornata” – PN

L-użu tad-droga f’pajjiżna sploda fl-aħħar snin

Matul is-sena li għaddiet, il-Pulizija sabet madwar 3,000 kilogramma ta’ kokaina, b’valur ta’ €386 miljun. Dan juri li l-pjaga tad-droga f’pajjiżna nfirxet b’mod allarmanti u qed tkisser familji u individwi aktar minn qatt qabel.

Fil-Parlament, għal Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru Michael Falzon ammetta li d-dokument “Il-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna” ilu ma jkun aġġornat u mġedded aktar minn 15-il sena, jiġifieri mill-2008.

Kien dan li ntqal fi stqarrija miktuba mill-Kelliem għall-Politika Soċjali, David Agius f’isem il-PN, li tkompli tgħid li kien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li kien ippreżenta din il-Politika f’Jannar 2008 permezz tal-Ministru Dolores Cristina. Dan kien sar wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti, inkluż konsultazzjoni pubblika.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li, b’mod immedjat, għandu jibda l-proċess biex id-dokument “Il-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna” ikun imġedded għax ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ ċass quddiem traġedji li qed jifnu tant nies.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq din il-proposta quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Politika Soċjali.