Lokali

“Il-fallimenti tal-Avukat Ġenerali qed ikomplu jkissru s-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna” – PN

Il-Ministru tal-Ġustizzja qed jibqa’ ċass quddiem il-fallimenti tal-Avukat Ġenerali

Il-fallimenti tal-Avukat Ġenerali fil-prosekuzzjoni ta’ reati serji qed ikomplu jkissru s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li ma’ kull jum li jgħaddi, qed ikomplu jirriżultaw każi li fihom l-Avukat Ġenerali tkun naqset li taqdi d-doveri tagħha, bir-riżultat li numru ta’ prosekuzzjonijiet dwar reati serji qed ifallu. Dawn in-nuqqasijiet gravi tal-Avukat Ġenerali qed iwasslu wkoll lill-Qrati ta’ pajjiżna biex jikkumentaw u jikkundannaw l-imġieba ħażina tal-Avukat Ġenerali.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem għall-Ġustizzja, Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn tkompli tgħid li l-aktar riċenti kien dak li seħħ ilbieraħ quddiem il-Qorti tal-Maġsitrati, fil-każ dwar l-impjieg fantażma ma’ kumpanija tal-Gvern lil Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. F’dan il-każ, l-Avukat Ġenerali naqset milli tinforma lill-Pulizija li qed imexxu l-prosekuzzjoni dwar jekk fadalx aktar provi x’jitressqu.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa tiegħu għar-riżenja ta’ Victoria Buttigieg mill-kariga ta’ Avukat Ġenerali. Pajjiżna għandu bżonn Avukat Ġenerali li jkun kapaċi joffri servizz professjonali ta’ prosekuzzjoni. L-Avukat Ġenerali m’għandux ikun moħbi fl-uffiċċju tiegħu, iżda għandu jkun trasparenti u kontabbli dwar id-deċiżjonijiet li jieħu.

Aktar ma Victoria Buttigieg iddum ma tirriżenja, aktar se tkompli ssir ħsara lill-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali u lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll li l-Ministru tal-Ġustizzja ma jibqax aktar ċass quddiem il-fallimenti tal-Avukat Ġenerali fil-qadi tad-doveri tagħha u għandu jieħu azzjoni biex jiżgura li pajjiżna jkollu servizz professjonali ta’ prosekuzzjoni.