Lokali

“Il-Gvern iċċaqlaq biss għax spiċċa maqbud f’kantuniera” – Riccardo Gutiérrez

“Huwa ovvju li l-Gvern Malti ma jridx itejjeb u jsaħħaħ l-irwol tal-ġurnalisti.. u hija ħaġa inkwetanti immens li l-Gvern kellu jħossu maqbud f’kantuniera sabiex jiċċaqlaq.”

Din iċ-ċanfira ġiet mis-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ), Riccardo Gutiérrez, fejn l-Erbgħa filgħodu, waqt Konferenza Nazzjonali għar-riforma fil-midja, Gutiérrez tenna li kien sorpriż immens bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru u l-Gvern Malti – bl-intenzzjoni sabiex il-libertà tal-midja tiddgħajjef.

F’Settembru li għadda, il-Gvern poġġa abbożż ta’ liġi fil-Parlament dwar ir-riforma fil-media, mingħajr ma għaddiet għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn  ġie ddikjarat li l-kumitat wettaq “konsultazzjoni wiesgħa”.

Dan l-aġir tal-Prim ministru ġie kkundanat minn bosta esperti u akkademiċi .. U wara pressjoni kbira li saret mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin … il-Prim Ministru Robert Abela spiċċa daru mal-ħajt u kellu jagħmel U-Turn. Dan hekk kif Abela ddikjara li ma kellu l-ebda oġġezzjoni biex issir konsultazzjoni ulterjuri dwar ir-riforma fil-liġi tal-midja.

Minn naħa tiegħu, is-segretarju Ġenrali tal-IGM Kurt Sansone, qal li l-Gvern kellu jiġi mbuttat biex tibda r-riforma fil-midja.

Sansone saħaq li filwaqt li ma kellu bżonn l-ebda imbuttatura sabiex iwettaq bidliet f’liġijiet oħra bħal fil-każ tal-Artikolu 38 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jitkellem fuq dwar il-privatezza fil-ħajja tal-politiċi, Il-Prim Ministru stenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu dwar r-riforma fil-midja.

Id-diversi kelliema li tkellmu f’din il-Konferenza Nazzjonali, ilkoll saħqu li d-demokrazija f’Malta qegħdha tiġi mhedda, filwaqt li appellaw lill-Gvern sabiex jiggarantixxi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja.

U filwaqt li l-għajta tal-kampanja tal-Labour dejjem kienet li l-Labour huwa Gvern li jisma’ ….. il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard kien mistieden għall-din il-Konferenża Nazzjonali iżda dan baqa’ ma deherx – bl-iskuża li irċieva l-invit tard u kellu pjanijiet oħra. Minn naħa tal-Oppożizzjoni, preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-deputat u l-kelliem għall-ġustizzja tal-PN Karol Aquilina u d-deputat tal-PN Graham Bencini.

Intant, il-Kumitat tal-esperti ppropona diversi emedi fil-liġijiet ta’ Malta għall-isfera tal-midja, fosthom numru ta’ bidliet fil-Kostituzzjoni ta’ Malta li jinkludu;

•           Rispett lejn il-Ħelsien – Jizdied il-protezzjoni minn indħil ta’ awtoritajiet pubblici.

•           Aktar protezzjoni fuq is-sors ġurnalistiku. Din il-proposta twitti t-triq lejn ġurnalizmu hieles.

•           Aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet pubblici.