Lokali

Il-Gvern jibqa’ ma jikkonsultax dwar ir-Riforma tal-Media f’pajjiżna – PN

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Kelliem għax-Xandir Nazzjonali u l-Isport Graham Bencini preżenti għal-laqgħa ta’ konsultazzjoni organizzata mill-Kumitat ta’ Esperti dwar is-Settur tal-Media.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Gvern baqa’ ma jinteressahx mill-konsultazzjoni dwar ir-Riforma tal-Media f’pajjiżna minkejja diversi sejħiet pubbliċi biex jagħmel hekk.

F’laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika li ġiet organizzata dalgħodu mill-Kumitat ta’ Esperti dwar is-Ssettur tal-Media ħareġ ċar li l-Gvern mhux interessat li jikkonsulta dwar ir-riforma fis-settur tal-media f’pajjiżna.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Kelliem għax-Xandir Nazzjonali u l-Isport Graham Bencini attendew għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni u segwew id-diskussjoni li saret bis-sehem ta’ diversi esperti, akkademiċi, ġurnalisti, studenti u persuni oħrajn li għandhom interess fis-settur tal-media f’pajjiżna.

Minkejja li kien mistieden għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-Ministru tal-Ġustizzja ma attendiex għaliha. Dan jikkonferma li l-Gvern, b’mod partikolari l-Ministru Jonathan Attard, ma jimpurtahomx mis-settur tal-media f’pajjiżna.
Minflok Gvern li jisma’, għandna Gvern li saħansitra jinjora Kumitat ta’ Esperti mwaqqaf minnu stess.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisma’ lil dawk kollha li għandhom interess fis-settur tal-media, fi spirtu ta’ djalogu kostruttiv, bl-għan li l-bidliet li jsiru fil-liġijiet ta’ pajjiżna jkunu ta’ sostenn u ħarsien għall-ġurnalisti u għas-settur tal-media f’pajjiżna.