Is-sorsi viċin l-International Organisation for Immigration (IOM) qed jindikaw li mietu talanqas 75 immigrant li ma dehrux aktar wara li d-dgħajsa li kienu qed jivvjaġġaw biha għerqet lil hinn mill-kosta tal-Libja.
Kollox jindika li d-dgħajsa kienet gwidata mit-traffikanti tan-nies li qegħdin jippruvaw jaqsmu miz-zoni tal-gwerra lejn l-Ewropa – bil-Libja sservi bħala punt tat-tluq prinċipali għal dawn il-persuni ddisprati u li ħafna minnhom ġejjin mid-diversi reġjuni Afrikani.
Ir-rapporti qalu li seba’ persuni biss salvaw mid-dgħajsa partikulari u li dawn irnexxielhom jaslu sax-xatt b’diffikultà kbira wara t-traġedja. Fl-istess ħin, l-iskwadri tas-salvataġġ li marru fuq iz-zona tal-emerġenza laħqu rkupraw 15-il katavru mill-baħar — bit-tfittxija qed tkompli.
Din is-sena mietu ’l fuq minn 130 persuna waqt il-vjaġġi perikolużi bil-baħar mil-Libja lejn l-Ewropa.
Sadanittant, il-kelliema tal-IOM qalu li, is-sena l-oħra, l-uffiċjali involuti mal-Missing Migrants Project tal-Organizzazzjoni kkonfermaw ’il fuq minn 1,450 immigranti mejtin waqt il-vjaġġi li saru bejn Jannar u Diċembru tal-2022.
//= $special ?>