“Għandi fiduċja sħiħa fl-Avukat Ġenerali”
Hekk sostna l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard meta mistoqsi jekk il-pożizzjoni ta’ Victoria Buttigieg bħala Avukat Ġenerali għadhiex waħda tenibbli.
Net News għamel din id-domanda wara li għal darb’oħra l-ħidma tagħha, jew aħjar in-nuqqas tal-imsemmija ħidma, fixklet t-triq għall-ġustizzja f’pajjiżna. Dan hekk kif matul il-jum tat-Tlieta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ħareġ fid-deher nuqqas ieħor ta’ Buttigieg wara li fil-każ dwar l-impjieg fantażma li inghata ma’ kumpanija tal-Gvern lil Melvin Theuma….hija naqset milli tinforma lill-Pulizija li qed imexxu l-prosekuzzjoni jekk fadalx aktar provi x’jitressqu.
Din hija l-aħħar fost lista ta’ nuqqasijiet minn naħa tal-Avukat Ġenerali; fost oħrajn n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni lill-Pulizija Maltija sabiex jarrestaw lil Iosif Galea…li sussegwentament kien ġie arrestat fil-Germanja b’rabta ma’ evazjoni ta’ taxxa…wara li tħalla jsiefer minn Malta minkejja li kellu mandat ta’ arrest Ewropew fuq rasu.
Apparti dan, aktar minn sena ilu kienet waqqat l-akkużi fil-konfront ta’ Daren Debono it-Topo biex laħqu ftehim ħalli titnaqqaslu s-sentenza b’rabta mal-każ tal-isparatura fuq uffiċjali tal-Pulizija fil-hold up tal-HSBC…bil-Malta Police Union issejaħ għar-riżenja ta’ Buttigieg.
Wara dan kollu, l-Erbgħa filgħodu l-Partit Nazzjonalista sejjaħ għar-riżenja ta’ Victoria Buttigieg, bil-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina jisħaq li pajjiżna għandu bżonn Avukat Ġenerali li jkun kapaċi joffri servizz professjonali ta’ prosekuzzjoni.
Iżda skont Ministru Jonathan Attard u s-Segertarju Parlamentari Chris Bonett…il-Gvern għandu fiduċja shiha f’Victoria Buttigieg.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina insista li aktar ma Buttigieg iddum ma tirrizenja, aktar se tkompli ssir ħsara lill-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali u lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.
//= $special ?>