Eve Borg Bonello, PN
Id-deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello sostniet fil-parlament li iktar mill-pjani li l-gvern jgħid li għandu, il-poplu jrid azzjoni konkreta fuq l-ambjent.
Eve Borg Bonello qalet li r-rapport imressaq fil-parlament mhux meħtieġ għaliex il-poplu jaf x’irid dwar l-ambjent. Il-poplu jrid ikun jaf kif qed jintefqu t-taxxi tagħhom u jridu jaraw azzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li r-rapport dwar l-iżvilupp sostenibbli mressaq mill-gvern hu banali u konfuż u staqsiet jekk hemmx xi ħadd mill-gvern li verament jemmen fit-tibdil fil-klima. Malta hi marbuta b’diversi liġijiet internazzjonali fit-tibdil fil-klima u bid-dikjarazzjoni tal-parlament Malti dwar il-klima, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li semmiet il-prijorità li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Wara 10 snin ta’ Gvern Laburista hemm biss rapport; dan mhux aċċettabbli.
Eve Borg Bonello qalet li r-rapport ma jsemmix il-bini tal-gvern u l-bini ġenerali li qed ikisser l-ambjent iżda jsemmi biss erba’ bozoz leds fid-Dipartiment tal-VAT bħala l-uniku proġett li qed iwettaq il-gvern fit-tibdil fil-klima.
Malta saret sit ta’ kostruzzjoni wieħed, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li r-rapport jispeċifika l-ħtieġa ta’ kodiċi għall-mod kif jitwaqqa’ u jinbena l-bini; dan hu bla dubju tard. X’inhu l-pjan biex il-bini li tiela’ jkun sostenibbli?
Id-deputat Nazzjonalista sostniet li r-rapport jammetit li fl-enerġija sostenibbli, Malta għadha lura sew u mhix twettaq l-inizjattivi li suppost għadha qed twettaq. Il-poplu għandu pjan iktar ċar milli għandu l-gvern dwar l-iżvilupp sostenibbli, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li Malta għandha fost l-agħar rata ta’ riċiklaġġ ta’ skart muniċipali u tal-plastik fl-UE. Fil-fatt Malta tirriċikla biss 15% tal-iskart meta l-medja tal-UE hi dik ta’ 50%.
Il-ġid tal-ekonomija mhix qed tinħass minn kulħadd, sostniet Eve Borg Bonello, li qalet li l-poplu jrid investiment fil-klima li jirrispetta l-ambjent.
//= $special ?>