Mario de Marco, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal fil-parlament li t-turiżmu eċċessiv jikkaġuna ħsara kbira lis-settur kollu u jkollu impatt negattiv fil-pajjiż kollu.
Meta kien qed jitkellem dar ir-Raport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, Mario de Marco tkellem dwar it-turiżmu sostenibbli u qal li fl-1990 t-turiżmu laħaq il-miljun turist. L-industrija tat-turiżmu tikkontribwixxi 30% tal-prodott gross domestiku u għalhekk anki l-impatt ambjentali jrid ikun ikkunsidrat.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-isfidi li t-turiżmu jġib miegħu kif ukoll il-benefiċċji li dan iġib. Ir-realtà llum hi li l-industrija baqgħet tikber minn sena għall-oħra fejn mill-2007 ‘l hawn Malta baqgħet tattira rekord ta’ turisti kull sena ħlief għall-2009 minħabba r-riċessjoni internazzjonali u fis-snin tal-COVID.
L-ogħla ċifra ta’ turisti li ġew Malta kienet fl-2019 fejn ġew 2.7 miljun turist u s-sena li għaddiet meta ġew 2.3 miljun turist. Jidher li s-suċċess tat-turiżmu qed ikun imkejjel fuq in-numru ta’ turisti. Dan minkejja l-impatt ambjentali li t-turiżmu jġib. L-impatt tal-benefiċċji ekonomiċi qed jikber dejjem iktar.
Il-pjan tal-gvern hu li n-numru ta’ turisti għal din is-sena jkunu viċin dawk tal-2019. Dwar il-prattiċi tat-turiżmu sostenibbli, Mario de Marco qal li r-rapport għall-iżvilupp sostenibbli jinkludi 17-il mira fuq perjodu ta’ snin. Dan ir-rapport hu maqtugħ mir-realtà għax ma jitrattax b’mod konkret il-passi meħtieġa għal tkabbir u turiżmu sostenibbli.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż irid jidentifika x’irid mit-turiżmu skont ir-realtà tal-pajjiż. Hu sostna li l-MHRA għamlet studju dettaljat dwar kemm il-pajjiż jiflaħ turisti fejn kien konkluż li n-numru ta’ turisti hu ristrett min-numru ta’ fatturi li huma l-impatt tal-esperjenza tat-turist, l-impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, l-impatt tat-traffiku, l-ipparkjar, il-ħmieġ, l-iżvilupp eċċessiv, il-ħsejjes, l-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-propjetà fost l-oħrajn.
Kemmuna fis-sajf hi eżempju ta’ kif m’għandux ikun it-turiżmu f’Malta fejn it-turiżmu eċċessiv qed iħalli effett fuq l-ambjent, sostna Mario de Marco. Fattur ieħor hu l-ħaddiema fejn fis-settur hemm problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema Maltin bil-konsegwenza li l-pajjiż qed jitlef ir-relazzjoni ta’ awtentiċità billi qed ikollu jimpjega ħaddiema barranin. Dan filwaqt li l-infrastruttura mhux tlaħħaq mat-turisti waqt li l-kapaċità fiżika tal-postijiet ewlenin turistiċi qed ikollhom impatt negattiv.
Sfidi oħra huma r-riċiklaġġ u l-enerġija rinovabbli, fejn il-pajjiż mhux jilħaq il-miri speċifiċi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li t-turiżmu eċċessiv jirriskja li joqtol l-industrija tat-turiżmu li għandha tkun protetta.
//= $special ?>