Lokali

Ix-xogħol nofs leħja f’Ħal Balzan jikkawża periklu lis-sewwieqa

It-telqa li teżisti fi triq prinċipali f’Ħal Balzan wasslet biex numru ta’ persuni lmentaw ma’ dan l-istazzjon dwar l-inkonvenjent kbir li qed isofru. Din hija s-sitwazzjoni diżastruża li tinsab fiha Triq il-Kbira, Ħal Balzan.

Fl-aħħar jiem, nies li tkellmu ma’ Net News esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għax-xogħol mhux professjonali… hekk kif fl-aħħar xhur kien beda x-xogħol f’din it-triq partikolari sabiex isir trinka għas-servizzi varji. Iżda ġara li x-xogħol tħalla nofs leħja u dan spiċċa biex ħoloq koas kbir u perikolu għax-xufiera u għar-residenti tal-lokal.

Ix-xogħol li sar bl-addoċċ ħoloq problemi enormi… b’din it-triq prinċipali li hija traffikuża ħafna, u li tagħti għal skola li tinsab fil-viċinanżi spiċċat one-lane. Dan għaliex it-trinka baqgħet ma ngħalqitx kompletament bit-tarmac .. u kawża tal-maltemp li laqat il-Gzejjer Maltin fl-aħħar jiem, it-triq kompliet titfarrak bil-mod il-mod u inħolqot ħofra kbira, bil-katusi jispiċċaw jinkixfu f’nofs tat-triq.

Ritratt: Martin Agius

It-tkaxkir tas-saqajn spiċċa biex ikkawża traffiku kbir f’din it-triq u ħsarat fl-storm water system.

Minn naħa tal-kunsilliera tal-lokal … meta ppruvaw jitkellmu mal-uffiċjali ta’ Infrastructure Malta jew mal-uffiċjali tal-Enemalta … iż-żewġ entitajiet ċaħdu li huma parti mix-xogħol tagħhom.

Mill-filmati jidher ukoll li hemm periklu għas-sewwieqa tal-muturi, apparti l-fatt li hija faċli imens li wieħed iġarrab ħsarat fil-vettura tiegħu.

Ritratt: Martin Agius