Lokali Parlament

Karl Cini ħati ta’ ksur ta’ privileġġ iżda jingħata oppurtnità oħra biex iwieġeb qabel jittieħdu passi

Id-Direttur tal-kumpanija Nexia BT instab ħati mill-Ispeaker ta’ ksur ta’ privileġġ meta fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) tal-bieraħ ma weġibx mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Minkejja din il-pożizzjoni, is-Sedja tat opportunità oħra lil Karl Cini biex iwieġeb fis-seduta li jmiss qabel jittieħdu l-passi skont ir-regoli tal-parlament.

Dan kien deċiż f’ruling li ta l-Ispeaker Anġu Farrugia fis-seduta tal-lum wara li fis-seduta tal-bieraħ tal-PSAC, Karl Cini baqa’ ma jridx iwieġeb mistoqsijiet magħmula lilu mill-membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini.

Fil-fatt dik tal-bieraħ kienet it-tieni seduta li fiha Karl Cini baqa’ ma weġibx il-mistoqsijiet magħmula lilu. F’dawn iż-żewġ seduiti l-avukat Stephen Tonna Lowell, li qed jidher għal Karl Cini, argumenta li Karl Cini mhux se jwieġeb għax għandu dritt għas-silenzju, għax hemm inkjesta maġisterjali miftuħa u għax kawża kontra Brian Tonna l-pulizija għadha għaddejja bil-ġbir tal-provi mhux konkluż u għalhekk mhux speċifikat jekk Karl Cini hux se jkun implikat.

Quddiem din is-sitwazzjoni, iċ-Chairman tal-Kumitat Darren Carabott għamel numru ta’ mistqosijiet li ma kinux relatati ma’ dawn iż-żweġ każi iżda xorta Karl Cini baqa’ ma weġibx. Kien hawn li Darren Carabott talab ruling ieħor lill-Ispeaker biex dan jagħti direzzjoni dwar il-pożizzjoni li qed jieħu Karl Cini.

Dan ir-ruling ingħata llum fejn l-Ispeaker ikkonkluda li minn diversi sentenzi tal-qorti jirriżulta li persuni li jitressqu quddiem il-PAC għandhom dritt li ma jweġibx jekk ikun hemm proċeduri fil-qorti kontiehom iżda fl-ebda ċirkostanza, Karl Cini ma speċifika li hemm xi akkuża fil-konfront ta’ tiegħu jew ta’ Nexia BT.

Għalhekk il-PAC għandu d-dover li jkompli l-ħidma tiegħu. Għalhekk ukoll, sostna l-Ispeaker, la darba Karl Cini jagħżel li ma jweġibx, il-PAC għandu jitlob lix-xhud biex jipprovdi d-dettali tal-kawżi kriminali li fihom hemm involut Karl Cini.

L-Ispeaker qal li xhud għandu d-dritt li ma jweġibx minħabba każi pendenti iżda mhux li ma jwieġeb xejn. Għalhekk, Karl Cini rrenda ruħu ħati ta’ ksur ta’ privileġġ meta ma wieġeb għall-ebda mistoqsija fil-PAC, sostna l-Ispeaker fir-ruling tiegħu, iżda s-Sedja tħoss li fiċ-ċirkostanzi kollha qed tagħti l-aħħar opportunità lil Karl Cini biex jirregola ruħu ma’ dan ir-ruling.

Is-Sedja sostniet li jeħtieġ li jkun hemm deċiżjoni dwar dawn iċ-ċirkostanzi simili għal dak li hemm quddiem il-PAC bħalissa u pproponiet li jkun ikkunsidrat li l-Kumitat jiltaqa’ fil-magħluq biex ikun jista’ jaħdem aħjar.

L-Ispeaker għamel riferenza għal kif jaħdmu kumitati parlamentari barra minn Malta fejn ix-xhud ikun koperat mill-immunità parlamentari u għalhekk ix-xhieda tiegħu fil-PAC ma tkunx tista’ tintuża fil-qorti bħala evidenza kontrih fil-qorti.