Lokali Qorti

L-Albaniż li mar erba’ snin ħabs talli għen fis-serqa ta’ €333,000 huwa bniedem ħieles

L-Albaniż ta’ 30 sena, li nhar it-Tlieta li għaddew ġie kundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li fil-5 ta’ Ottubru tal-2017 assista u għen b’xi mod lill-ħallelin biex jikkommettu serqa ta’ ġojjellerija li kienet tlaħħaq it-€333,000 huwa bniedem ħieles. Net News jinsab infurmat li Artan Coku, mar lura pajjiżu wara li ngħata s-sentenza.

Artan Coku, li kellu f’idejh il-loġistika tas-serqa fejn fost affarijiet oħra kellu jiċċekkja jekk l-ħanut Diamonds International f’Tignè Point kienx fetaħ u għalhekk jinforma lill-ħallelin li jistgħu jipproċedu kien diġa serva ż-żmien tiegħu fil-ħabs wara li ġie arrestat fuq il-“hold-up” u peress li l-Qorti qalet li mill-piena jrid jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv, allura peress li għamel it-terminu ta’ żmien issa huwa bniedem ħieles.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset il-fatt li Coku għen lill-Pulizija fejn minn jeddu ta nformazzjoni utli dwar kif seħħ il-“hold up.” Coku nstab ħati li għen fil-loġistika dwar kif kellu jsir il-hold-up lill-ħallelin, Daniel Muka, ħuh Begtash u Ramazan Hysa li għadhom għaddejjin proċeduri fuq serqa li kienet tikkonsisti f’dehbijiet u ġojjelli li skont dak li qal lill-Pulizija Coku kellhom jintbagħtu Bari, l-Italja biex wara jinbiegħu l-Albanija.

Net News jinsab infurmat ukoll li Muka, li jinsab mixli wkoll bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema f’Awwissu tal-2020, tpoġġa f’diviżjoni sitta tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba li kiser xi regolamenti tal-ħabs.

Fil-‘hold-up’ kien indarab uffiċjal tas-sigurtà. Coku u Muka kienu ġew arrestati mill-Pulizija wara l-inċident li seħħ f’Paceville. Coku kien qal lill-Pulizija fuq il-ħbiberija li kellu ma’ Muka, li skont hu kien il-moħħ wara din is-serqa. Qal ukoll lill-Pulizija wkoll li fis-serqa kien hemm involuti wkoll ħu Muka u Hysa. Fid-Depot Coku qal li fil-ġurnata tal-‘hold-up’, Muka bagħtu Tignè biex jagħtihom sinjal b’għajnejh li l-ħanut kien miftuħ.

Fatt importanti li l-ħati stqarr mal-Pulizija kien li Muka kien qallu li kienu hu u ħuh li sparaw għax l-uffiċjal tas-sigurtà u li dan ma kienx waqaż mal-art mill-ewwel. Qallu wkoll li kien laqtu u li ħuh spara l-aktar biex ibeżża’.

L-istima tal-gojjelli misruqa kien ta’ €333,499.39. Biex jissewwew il-fitting’s għamara u rħam tal-istabbiliment kien ta’ €54,618.37. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mis-Supretendent James Grech.