Lokali

L-MDA tagħti l-aħħar twissija lill-kuntratturi

Wara l-każ xokkanti tal-bini li twaqqa’ f’Birkirkara f’nofs ta’ triq, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qed tagħti l-aħħar twissija lill-kuntratturi.

Fi stqarrija, l-MDA insistiet li qed tagħti l-aħħar twissija lill-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni, u mhux se tittollera aktar aġir ta’ abbuż.

L-MDA qed tibqa’ titfa’ pressjoni fuq il-Gvern biex iddaħħal sistema ta’ liċenzjar għall-operaturi f’dan il-qasam.

“L-aġir ħażin ta’ ftit qed jirrifletti b’mod negattiv fuq l-industrija tal-kostruzzjoni”, qalet l-MDA fl-istqarrija li ħarġet illum.

Kuntrattur bħalissa qed iwaqqa’ l-bini li kienet tokkupa l-kumpanija GO f’Birkirkara biex jinbena kumpless li jikkonsisti fi 11-il ħanut, 14-il maisonette, 96 appartament u 17-il penthouse. Dan apparti żewġ livelli ta’ parkeġġ taħt l-art fis-sit li huwa kantuniera eżatt faċċata tal-iskola fil-limiti ta’ Fleur-de-Lys.

Filwaqt li l-permess għat-twaqqigħ ta’ din il-binja diġà nħareġ, il-permess għall-kostruzzjoni tal-blokka s’issa għadu pendenti.