Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jilħaqx kompromess dwar il-Kummissarju tal-Istandards

Il-Gvern baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu li jaħtar lill-Prim Imħallef Emeritu Joe Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards b’maġġoranza sempliċi bil-parlament llejla jieħu l-ewwel vot li ma kisibx iż-żewġ terzi meħtieġa u għalhekk issa se jerġa’ jittieħed it-tieni vot nhar is-27 ta’ Frar 2023. Il-vot tal-lejla ma kisibx l-approvazzjoni taż-żewġ terzi tad-deputati b’41 deputati jivvutaw favur u 30 kontra.

Dan il-vot kien l-ewwel wieħed wara li l-gvern bidel il-proċedura ta’ kif jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards, li s’issa dejjem inħatar biż-żewġ terzi tad-deputati.

Fil-fatt, l-ewwel Kummissarju għall-Istandards George Hyzler kien maqbul bejn iż-żewġ naħat. Kien il-Prim Ministru Robert Avbela li neħħa lil George Hyzler minn Kummissarju għall-Istandards biex appuntah fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex b’hekk il-post ta’ Kummissarju għall-Istandards ġie vakat.

Wara diskussjonijiet bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru baqa’ jsostni hu ried biss lill-Prim Imħallef Emeritu Joe Azzopardi biex jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards.

L-Oppożizzjoni ma qablitx ma’ din in-nomina u sostniet li kellhom isiru iktar diskussjonijiet bejn il-partijiet biex jinstab ftehim. Il-Prim Ministru baqa’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu.

Minħabba li din il-kariga riedet iż-żewġ terzi tal-parlament biex tkun approvata, il-gvern bidel il-liġi u għamilha possibbli li jekk ma jintaħaqx ftehim allura l-Kummissarju għall-Istandards jista’ jkun maħtur b’ maġġoranza sempliċi wara tliet voti fil-parlament.