Mill-14 ta’ April se tidħol fis-seħħ il-liġi dwar is-separazzjoni tal-iskart tant li se tiddaħħal taxxa ġdida għal dawk li ma jimxux mar-regoli.
Fil-fatt, wieħed se jkun qed jeħel multa ta’ €25 jekk jinqabad iħallat l-iskart, u jeħel €50 mat-tieni darba li jinqabad jagħmel l-istess. In-negozji se jkunu qed jeħlu €75 l-ewwel darba li jiksruha, u tiġi multa doppja jekk terġa’ tinkiser.
Din il-liġi se tkun tapplika għal kulħadd – jiġifieri kemm għad-djar, negozji, u entitajiet tal-Gvern u oħrajn li mhumiex.
B’hekk, kull persuna f’pajjiżna se tkun obbligata bil-liġi biex tissepara skart organiku u skart riċiklabbli, b’dak organiku jintefa’ f’borża bajda u r-riċiklabbli f’borża griża. Il-ħġieġ għandu jinħareġ barra l-bieb kull l-ewwel u tielet Ġimgħa tax-xahar.
Il-multi se jibdew jingħataw minn Ottubru wara kampanja edukattiva ta’ sitt xhur biex wieħed jifhem u jidra s-sistema l-ġdida.
Uffiċjali tal-ERA se jkunu qed jagħmlu spezzjonijiet fil-lokalitajiet f’Malta u Għawdex biex jassiguraw li l-iskart ikun qed jiġi separat kif suppost filwaqt li jinħareġ fil-ġurnata tiegħu.
Fl-aħħar ġimgħat kienet saret skeda ġdida tal-iskart biex il-lokalitajiet kollha jimxu bl-istess mod. L-iskart organiku fil-borża l-bajda tinġabar kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa, l-iskart riċiklabbli fil-borża l-griża jinġabar kull nhar ta’ Ħamis filwaqt li l-borża s-sewda ta’ skart imħallat jinġabar kull nhar ta’ Tlieta u Sibt.
Barra l-ġbir ta’ skart minn wara l-bieb, servizzi oħra se jibqgħu fis-seħħ, fosthom bring-in sites li jinsabu f’kull lokalità u s-servizz b’xejn ta’ kollezzjoni ta’ bulky waste.
//= $special ?>