Il-Gvern ta’ New Zealand immexxi mill-Prim Ministru Chris Hipkins iddikjara stat ta’ emerġenza fil-pajjiż b’effett taċ-ċiklun storiku – imlaqqam ‘Gabrielle’ – li ħalla straġi u għargħar enormi f’ħafna bnadi tal-pajjiż.
L-istat tal-emerġenza hu biss it-tielet wieħed qatt iddikjarat fi New Zealand u meta l-maltemp iġġenerat miċ-ċiklun kien l-agħar fil-pajjiż għal talanqas għaxar snin.
Madwar terz tal-popolazzjoni ta’ New Zealand ( ikkalkulata mal-ħames miljuni) qegħdin jgħixu qalb iz-zoni milqutin l-agħar miċ-ċiklun. Intant, l-awtoritajiet qalu li fadal madwar 10,500 refuġjati interni b’kaġun tal-maltemp storiku.
Fl-aħħar sigħat ħarġet il-konferma li talanqas erba’ persuni, inkluż tfajjel, kienu mietu b’kaġun tal-impatt devastanti ta’ ‘Gabrielle’ li rriżulta f’ammont ta’ għargħar sinifikanti minbarra l-valangi tal-art kontinwi.
Dan ukoll waqt li ntużaw numru kbir ta’ ħelikopters biex isalvaw il-mijiet tan-nies li kienu telgħu fuq il-bjut tad-djar biex ma jinqabdux fl-għargħar.
U waqt li l-ċiklun, issa, għadda ‘il hinn minn New Zealand, il-poplu f’dan il-pajjiż, fl-aħħar sigħat, ħass theżżiża tal-art kbira li ‘il quddiem kienet identifikata bħala terremot li rreġistra 6.0 fuq l-Iskala Richter.
L-epiċentru tat-terremot kien indikat ‘il hinn mill-kosta ta’ North Island, viċin il-kapitali Wellington, iżda ma deherx li seta’ ħalla l-vittmi.
//= $special ?>