Internazzjonali

Stati Uniti: Nikki Haley tisfida lil Donald Trump bħala ‘il-wiċċ ta’ ġenerazzjoni ġdida’

Nikki Haley, l-eks Gvernatur ta’ South Carolina u li serviet ukoll bħala Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, ħabbret il-kandidatura tagħha għall-Presidenza ta’ pajjiżha fl-elezzjoni tal-2024.

Haley qed tmexxi l-kampanja fuq l-islogan ‘Kburin li Aħna Amerikani’ u meta hi saret it-tieni membru tal-Partit Repubblikan b’involviment dirett fl-isfida għall-White House wara l-konferma tal-eks President Amerikan Donald Trump.

Haley anki saret it-tielet persuna mill-komunità tal-Amerikani-Indjani li qed tipprova għan-nomina tal-Partit Repubblikan bit-tama li, ‘il quddiem, tisfida għat-tmexxija ta’ pajjiżha. U għalkemm Haley, fl-2021, qalet li ma kellhiex tisfida lil Trump għan-nomina hi, issa, biddlet il-ħsieb fost l-insistenza dwar pass ‘li jirrifletti l-bidla minn ġenerazzjoni ( ta’ politiċi) għal oħra.’

Nikki Haley anki kienet ikkritikat l-atteġġjament ta’ Trump matul il-ġimgħat li wasslu għall-assedju storiku u qattiel mill-partitari tal-eks President Amerikan fuq is-sede tal-Capital f’Washington…Il-jum infami kien is-6 ta’ Jannar tal-2021 u l-għada tal-irvellijiet, Haley qalet ċar u tond li ‘l-istorja għad trid tiġġudika bl-aħrax dawn l-azzjonijiet li kienu xprunati minn Donald Trump innifsu.’

Fost ir-Repubblikani l-oħra li wkoll mistennija jisfidaw għat-tikketta tal-Partit Repubblikan hemm il-Gvernatur ta’ Florida, Ron DeSantis u l-eks Viċi-President Amerikan Mike Pence.

L-aħħar stħarriġ popolari qed juri li Donald Trump għandu vantaġġ komdu f’South Carolina, b’dan qed jindika kemm se jkun diffiċli l-impenn ta’ Haley. Fil-fatt, l-aħħar stħarriġ ta’ Trafalgar Group qed jindika li Trump għandu 43 fil-mija tal-appoġġ popolari minn dan l-Istat kontra t-12 fil-mija għal Nikki Haley.