Lokali

Stħarriġ juri li 45% għandhom fiduċja “moderata” fil-Korp tal-Pulizija

Stħarriġ illi ġie ppubblikat din il-ġimgħa mill-NSO juri li l-maġġoranza tan-nies f’pajjiżna għandhom fiduċja baxxa jew moderata fil-Korp tal-Pulizija. Fil-fatt, għal 45% tal-popolazzjoni, il-fiduċja tagħhom fil-Korp hija moderata filwaqt li 36.5% għandhom fiduċja għolja fil-Pulizija.

Is-survey sar bejn Mejju u Ġunju li għadda u fih ipparteċipaw 1,553 persuna.

Minn fost dawk illi qalu li għandhom fiduċja għolja fil-Korp, il-maġġoranza jaraw il-Pulizija bħala istituzzjoni li timxi b’mod ġust u b’dinjità.

B’kuntrast, dawk illi qalu li m’għandhomx fiduċja fil-Pulizija jinsistu li fit-toroq ma tarax daqstant uffiċjali, filwaqt li oħrajn jgħidu li ma jimxux b’rispett u b’mod ġust.

Is-survey juri wkoll li terz ta’ dawk li wieġbu jemmnu li l-ħidma tal-Korp la hija tajba u lanqas ħażina.

Interessanti l-fatt illi 8 minn kull 10 ta’ dawk li wieġbu iridu aktar Pulizija fit-triq.

Għalkemm riċentament nieda l-proġett tal-Pulizija fil-komunità, għad hemm ħafna lokalitajiet li baqgħu mingħajr dan is-servizz. Dawn jinkludu Ħal Qormi, iż-Żejtun, Birkirkara u anke Tas-Sliema.