Lokali

Tiġi inawgurata t-tieni fazi tal-proġett tal-pittura tas-saqaf tal-Bażilika tal-Belt Senglea

Nhar it-18 ta’ Frar wara l-quddiesa tas-6 p.m. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ser jinawgura it-tieni fazi tal-proġett tal-pittura tas-saqaf tal-Bażilika tal-Belt Senglea. It-tema ċentrali ta’ din il-fażi hija Salus Infermorum, li tfakkar il-Madonna għajnuna waqt il-mard. L-interċessjoni ta’ Madonna fl-istorja glorjuża tal-Belt Senglea u tinkludi ukoll il-Pandemija tal-Covid 19. Il-Pittura hija xogħol l-artist bravu Manwel Farrugia li intgħażel sabiex isebbaħ is-saqaf kollu bil-pittura tal-Bażilika u Kolleġġjata tal-Belt Senglea.

Kien l-artist Gużeppi Briffa li l-Arċipriet Bonanno nkarigah biex ipitter is-saqaf tal-Kor. Din l-opra kienet tlestiet fl-1934, u ġiet meqjusa bħala l-aqwa biċċa xogħol ta’ din in-natura, li qatt ħadem dan il-pittur. Fl-istess żmien, tneħħiet il-pittura tal-lunetti li kienet saret minn Ġużeppi Bonnici. Briffa kien lesta l-abbozzi għal pittura ġdida; imma l-lunetti ma laħqux saru.

Sfurtunatament dan ix-xogħol intilef fi żmien it-tieni gwerra dinija meta 80% ta’ din il-Bażilika ġiet imġarfa. Kien fl-1981 meta il-mibki u maħbub Arċipriet Sladden ipproġetta sabiex din il-Bażilika terġa tiġi dekorata. L-arċipriet Sladden kien stieden lill-artist Ġużeppi Briffa biex ipitter il-koppla u lunetti. Briffa kien għalaq 80 sena, iżda aċċetta li jagħmel dan bil-ferħ. Hu lesta l-abbozzi u dawn ġew approvati, iżda b’xorti ħażina fl-1984 hu marad u ma fieqx, u għalhekk l-opra ma tkomplietx.

Fl-1988 l-Arċipriet Vincenz Cachia beda l-preparamenti sabiex din il-Bażilika tkompli tiġi dekorata bil-pittura, f’din l-istess sena ġiet ippublikata sejħa lill-artisti maltin. Il-Kummissjoni Arti Sagra flimkien mal-Kummissjoni Parrokkjali iddeċidiet li jintgħażel il-pittur u dekoratur Frank Portelli, li illum qed ingawdu x-xogħol tiegħu fl-apside, il-lunetti u l-pittura tal-kopla. Il-ħsieb kien li dan ikompli is-saqaf tal-kor u saqaf kollu tal-Knisja infatti fl-arkivju tal-parroċċa insibu studju li kien sar fuq it-temi tal-pittura. B’xorti ħażina dan l-artist marad u il-ħolma tas-Sengleani ma tkomplitx.

Il-Kapitlu taħt it-tmexxija tal-Arċipriet il-Kan. Kav. Robin Camilleri flimkien mal-amministrazzjoni tal-Bażilika fil-2020 għażlu lil artist  Manwel Farrugia sabiex isebbaħ is-saqaf tal-Bażilika bil-pittura b’temi Marjani. Nhar it-12 ta’ Ġunju ġiet inawgurata l-ewwel fażi tal-Pittura tal-Kor ta’ din il-Bażilika, Kolleġġjata u Santwarju ta’ Marija Bambina fil-Belt Senglea. It-tkomplija ta’ dan ix-xogħol huwa l-ħolma ta’ kull Senglean kemm tal-passat u tal-preżent.