Internazzjonali

Tmut l-attriċi leġġendarja Raquel Welch

L-istilla ta’ Hollywood Raquel Welch, li saret sex symbol internazzjonali fis-sittinijiet, mietet fl-età ta’ 82 sena.

Skont membri tal-familja tagħha Raquel mietet kmieni l-Erbgħa filgħodu, wara marda qasira. 

Hija tibqa’ mfakkra l-aktar għall-interpretazzjoni tagħha ta’ cavewoman bil-bikini tal-ġild fl-1966 fil-film  “One Million Years BC.

Welch rebħet ukoll Golden Globe għar-rwol tagħha f’”The Three Musketeers” tal-1974.

Jo Raquel Tejada twieldet fil-5 ta’ Settembru tal-1940 f’Chicago, l-Istati Uniti.  Il-familja tagħha marret toqgħod f’San Diego, Kalifornja meta kellha sentejn. Welch rebħet diversi konkorsi tas-sbuħija tal-adoloxxenti u aktar tard saret bassara tat-temp lokali.

Missierha, Armando Tejada, kien inġinier ajrunawtiku mill-Bolivja. U l-kuġina tagħha, Lidia Gueiler Tejada, saret l-ewwel president mara tal-pajjiż.

Raquel kienet miżżewġa 4 darbiet – James Welch mill-1959 sal-1964, Patrick Curtis 1967 – 1972, Andre Weinfeld 1980 – 1990 u Richard Palmer 1999 – 1994.  Ħalliet warajha liż-żewġ uliedha, Tahnee u Damon Welch.

Waqt perjodu qasir f’Dallas, Texas, Raquel immudellat għall-ħanut tal-ħwejjeġ Neiman Marcus u ħadmet ukoll bħala cocktail waitress. Meta fl-1964 irritornat Kalifornja, kellha xi cameos f‘”A House Is Not A Home” u fil-musical “Roustabout“, flimkien m’Elvis Presley.

Fl-1975 hija dehret ukoll fuq “The Cher Show” u interpretat “I’m a Woman” ma’ Cher.

Tul il-karriera tagħha mifruxa fuq 50 sena, Welch kienet protagonista f’aktar minn 30 film u 50 serje televiżiva. Infatti bejn l-1964 u l-2017 kellha ħafna dehriet fuq it-televiżjoni, u fil-bidu tas-snin tmenin kienet fi Broadway, fejn ħadet sehem fuq il-palk ta’ New York f'”Woman of the Year” flimkien ma’ Lauren Bacall.

Films oħra tal-attriċi leġġendarja fl-aħħar tas-snin 60 u l-bidu tas-snin 70, jinkludu rwoli ewlenin f'”Bedazzled“, “Bandolero!“, “100 Rifles“, interpretazzjoni ta’ transgender f'”Myra Breckinridge“, “Hannie Caulder“, “Lady in Cement” ma’ Frank Sinatra, “Fantastic Voyage” u prestazzjoni nominata għal Golden Globe fl-1987 f'”Right to Die“.

Raquel ippublikat ukoll memoir bl-isem ta’ “Raquel: Beyond the Cleavage“, fejn tkellmet pubblikament dwar it-tfulija tagħha u d-diffikulta’ fil-bidu tal-karriera bħala single mother f’Hollywood.

Aktar tard f’ħajjitha, hija ħarġet ukoll il-linja ta’ parrokki b’isimha, li kienet ta’ suċċess kbir, kollezzjoni ta’ ġojjellerija u prodotti għall-kura tal-ġilda, u anke linja tal-makeup ta’ Mac Cosmetics.

Apparti l-karriera tagħha ta’ attriċi, ir-rebbieħa ta’ Golden Globe kienet meqjusa bħala sex symbol u kienet waħda mill-istilel femminili l-aktar imfittxija matul is-snin 60 u 70.

Fl-1995 f’ħarġa tar-rivista Empire, Welch ġiet msemmija bħala waħda mill-“100 Sexiest Stars in Film History” u kklassifikat fit-tielet post fil-“100 Sexiest Stars of the 20th Century” ta’ Playboy.