Lokali

Wara l-każ ta’ Birkirkara ebda soluzzjonijiet mill-Gvern

Bħal bqija tal-poplu, il-Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela jinkwetaw…iżda għad-differenza minn ħaddieħor huma għandhom ir-responsabbilità u aktar minn hekk id-dmir li jżommu lill-familji Maltin u Għawdxin siguri.

Wara li matul il-jum tat-Tlieta l-poplu Malti xxokkja ruħu b’dak li ra jseħħ fuq filmati ppubblikati online, bil-bini li twaqqa għal nofs ta’ triq f’Birkirkara, l-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lil uħud mill-membri tal-Kabinett ta’ Abela x’azzjonijiet se jittieħdu quddiem dawn l-abbużi ripetuti.

Il-Ministru Miriam Dalli minn naha taghha sostniet li bħal kull individwu tinsab inkwetata…iżda meta staqsejniha x’se jagħmlu bħala Gvern….hija evitat milli twieġeb.

Aktar minn xahrejn wara t-traġedja li seħħet f’Kordin, fejn fit-tiġrif ta’ binja ta’ 4 sulari li kienet għadha taħt kostruzzjoni tilef ħajtu ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia….it-Tlieta setgħet faċilment seħħet traġedja oħra. U waqt li l-familja taż-żagħżugħ għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja…fejn lanqas għadu ma ġie arrestat ħadd – dan is-settur intlaqat minn każ ieħor serju ta’ abbuż u negliġenza. Dan hekk kif sar magħruf li l-issa eks Chairperson tal-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Maria Schembri Grima – kienet għadha tippratika ta’ perit – b’kunflitt ta’ interess ċar, u li kienet hi stess il-perit li kienet qed tieħu ħsieb dan il-proġett f’Birkirkara.

Filwaqt li l-Ministru responsabbli Stefan Zrinzo Azzopardi għadu fil-muta – fejn lanqas biss ordna għas-sospensjoni ta’ Schembri Grima, iżda kellha tkun hi li tirriżenja – anke is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett ma offra ebda soluzzjonijiet għal dawn l-abbużi.

Intant,  wara dan  il-każ xokkanti l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qed tagħti l-aħħar twissija lill-kuntratturi.

Fi stqarrija, l-MDA insistiet li qed tagħti l-aħħar twissija lill-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni, u mhux se tittollera aktar aġir ta’ abbuż. Dan filwaqt li l-MDA qed tibqa’ titfa’ pressjoni fuq il-Gvern biex iddaħħal sistema ta’ liċenzjar għall-operaturi f’dan il-qasam.

Mill-banda l-oħra l-Kamra tal-Periti ħabbret li fetħet investigazzjoni dixxiplinarja fil-konfront ta’ Maria Schembri Grima li tista’ twassal għas-sospensjoni tal-warrant tal-perit. Dan b’rabta mal-istess każ li l-Kamra ddeskriviet bħala diżastru komplet u sfaċċat..u li qatt ma raw bħalu.

Il-President tal-Kamra tal-Periti Andrea Pizzuto saħaq li pajjiżna laħaq punt fejn l-arroganza u s-sens ta’ impunita qed joħloq allarm kbir. B’rabta ma dan il-każ l-Awtoritá tal-Bini u l-Kostruzzjoni mmultat lil kumpanija tal-kostruzzjoni ta’ Charles Polidano €5,000 filwaqt li l-iżviluppatur Mark Agius, li huwa sieħeb mal-iżviluppatur Joseph Portelli ġie mmultat €3,150.