Lokali

Bosta ħaddiema jintalbu jħallsu eluf ta’ ewro lill-Gvern

Il-Malta Enteprise qed tagħmel reviżjoni ta’ iktar minn 1,500 għotja ta’ flus li kienu ngħataw bħala wage suppliment. Dan ghaliex skont il-Gvern jista’ jkun li kien hemm xi abbużi meta kienu konfermati dawn l-applikazzjonijiet.

L-iżviluppi relatati mal-wage suppliment qed iwasslu biex ammont kbir ta’ kumpaniji u ħaddiema, issa, qed ikunu imġiegħla jħallsu dawn il-flus lura… meta suppost din kienet għanjnuna mgħotija mill-Gvern biex tgħinhom fl-iktar żminijiet diffiċli li kienu għaddejjin minnhom.

U biex tkompli tikber il-konfużjoni … għadu mhux ċar jekk il-ħlas lura għandux isir mill-kumpaniji li applikaw għal dan il-grant jew inkella mill-ħaddiema infushom – ħlas li jrid jintradd lura fi żmien sentejn

Bosta persuni li tkellmu ma’ Net News spjegawlna kif qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kienu applikaw għall-wage suppliment li kien qed joffri l-Gvern għal dawk kollha li l-impjieg tagħhom kien affettwat minħabba l-pandemija.

Għall-ewwel kollox deher li kien miexi kif suppost… hekk kif l-applikazzjoni tagħhom ġiet milqugħha u qaluhom li kienu se jingħataw il-flus li applikaw għalihom.

Iżda issa, dawn l-istess persuni rċevew korrispondenza mill-Malta Enterprise tavżahom li jridu jagħtu lura dawk il-flus li kienu rċevew. U dan minħabba li skont il-Malta Enterprise mhumiex eleiġibbli, peress li kien sar żball meta inizjalment kienet aċċettata t-talba tagħhom.

Issa l-Malta Enterprise qed tgħid li dawk kollha li kellhom impjieg full time u impjieg ieħor part time, mhux suppost li kienu intitolat li jingħataw l-wage suppliment għall-part time tagħhom.

Persuna li tkellmet ma’ Net News qalet li se żżomm responsabli lil min inizjalment aċċettat it-talba tagħha. Dan hekk kif huwa inaċċettabbli li ġew mgħarfa li sar żball kważi tliet snin wara li saret din l-applikazzjoni

U bla dubju li t-tħassib ta’ dawn il-persuni qed ikompli jikber minħabba l-fatt li hemm min ma jiflaħx iħallas dawn il-flus kollha lura… flus li kien dritt tagħhom li joħduhom peress li spiċċaw b’inqas sigħat ta’ xogħol minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID.

B’bosta jinsabu rrabjati għall-mod kif jeżistu dawn l-anomaliji kollha….. u dwar kif qed jiġu trattati mill-Gvern, issa li għaddiet l-elezzjoni ġenerali.