Sport Sport Ieħor

Ċess: Noah Cauchi minn De La Salle jirbaħ it-tieni Taster Tournament personali

It-tielet Taster Tournament taċ-Ċess ġie mtella b’suċċess hekk kif 40 student minn 21 skola u kulleġġ ipparteċipaw bi ħġarhom. Dan huwa wieħed minn bosta sforzi li qed tagħmel il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess sabiex tkompli tilħaq iktar studenti mill-iskejjel lokali.  Ħidma oħra tinkludi d-donazzjonijiet ta’ settijiet taċ-ċess u żjarat fl-iskejjel.

F’dan it-turnew kien hemm studenti minn St. Elias College (5 parteċipanti), Sacred Heart St. Julian’s (4), St. Martin’s College (4), St. Nicholas College Dingli (4),  De La Salle (3), Maria Regina College Mosta (2), National Sports School (2), St. Michael (2), Quality School International (2), Santa Theresa Mrieħel (2), Russian Embassy School (1), Chiswick (1), Santa Venera Primary School (1), St. Albert the Great (1), St. Augustine (1), St. Benedict’s College Kirkop (1), St. Ignatius (1), St. Nicholas Rabat Middle School (1), St. Paul’s Missionary College (1) u mill-Archbishop Seminary (1).

L-istudenti kollha segwew b’attenzjoni r-regoli uffiċjali taċ-ċess li ġew spjegati tul it-turnew. Kien evidenti t-titjib fl-immaniġġjar tal-ħin fost l-istudenti u anke titjib fil-livell tal-logħob meta kkumparat maż-żewġ kompetizzjonijiet preċedenti. F’kull round kien hemm uħud mill-logħob li damu iktar minn 25 minuta, b’bosta minnhom jispiċċaw f’pożizzjonijiet ta’ endgames ferm interessanti.

Noah Cauchi mill-Kulleġġ De La Salle rebaħ it-tieni Taster Tournament tiegħu (wara dak ta’ Diċembru) billi rebaħ is-6 logħbiet tiegħu kollha. Isegwuh viċin fil-klassifika kien hemm Vince Kosik (Santa Tereża, Mrieħel) u Leonardo Kang Dibenedetto (St. Martin’s College), bit-tnejn jispiċċaw b’punt inqas fuq 5 rebħiet. Il-logħba deċiżiva bejniethom għat-tieni post, intrebħet minn Vince, biex b’hekk hu ħa t-tieni post filwaqt li Leonardo ħa t-tielet.

Isaac Grima Bongailas (St. Elias College) u Leonardo Zangrilli (Russian Embassy School) – 2 plejers attivi li issa ilhom ftit fix-xena taċ-ċess, spiċċaw fuq 4.5 punti.

Punt pożittiv huwa l-parteċipazzjoni ta’ 6 plejers femminili; 4 minn Sacred Heart St. Julian’s – Elena Borg Mercieca, Mia Zarb Jenkins, Nicole Ellul u Giulia Cristina –  parteċipanta minn St Nicholas Rabat Middle School, Hayley Thornton, u minn Maria Regina College Mosta, Nevena Popvic. Il-Federazzjoni qed taħdem qatigħ biex tattira iktar plejers femminili u din l-attendenza hija inkoraġġanti ħafna sabiex ikompli jintlaħaq dan il-għan.