F’għeluq l-64 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia saret velja oħra li ttelgħat fil-Belt Valletta quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir u l-mafkar ta’ Daphne.
Il-kelliema preżenti waqt il-velja kienu: il-Viċi-President ta’ Repubblika, Alessandra Dee Crespo, fost l-oħrajn, l-attivista ta’ Repubblika Marion Pace Asiak u l-avukat Jason Azzopardi.
“Għadna hawn, niġu kull xahar…xemx u xita, bnazzi u mhux…għax ġustizzja sħiħa ma’ Daphne u mal-istejjer tagħha għadha ma saritx.”
Hekk saħqet l-ewwel kelliema waqt din il-velja, Alessandra Dee Crespo fejn tkellmet dwar kif il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa’, bħal ta’ qablu, qed jaqdi l-interessi tal-klikka u mhux tal-ġustizzja. Hija sostniet li minkejja l-wegħdi li kien għamel Gafa’ malli nħatar Kummissarju, li mhu se jħares lejn wiċċ ħadd fil-qadi ta’ dmirijietu, huwa gideb lill-poplu li ħaseb li se jkun differenti, u ntefa jaħdem b’ruħu u b’ġismu f’eżerċizzju frivolu ta’ rebranding tal-korp. Biddel l-uniformijiet u ż-żebgħa tal-karozzi minflok għamel il-bidla radikali li l-korp għandu bżonn…dik li juri li hu differenti mill-ex Kummissarju Lawrence Cutajar, li bħalu kien iħobb jaqdi ‘l ħbieb tal-ħbieb.
Dee Crespo qalet li l-Kummissarju għandu diversi provi f’idejh u jekk mhux se jagħmel xogħolu għandu jwarrab u jieħu miegħu lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, li bħalu tipprova teħlisha lill-kriminali minflok taqdi dmirijietha.
Marion Pace Asiak minn naħa tagħha qalet li minn meta f’Ġunju tal-2020, Angelo Gafa’ laħaq Kummissarju, għaddew sentejn u nofs u ma sar l-ebda progress fuq il-każijiet oxxeni ta’ korruzzjoni, qerq u kriminalita’ li fihom hemm involuti diversi ex-ministri, politiċi u persuni oħra korrotti li jħossuhom untouchable għax protetti mill-gvern mafjuż ta’ Muscat-Abela.
Staqsiet għala, fost l-oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela, għadu qed jirrifjuta li ssir inkjesta pubblika dwar x’wassal għall-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, filwaqt li l-vittmi tal-qasam tal-kostruzzjoni jibqgħu jiżdiedu – u l-pampaluni jagħmlu l-miljuni f’abbużi għax jafu li għandhom l-appoġġ sħiħ tal-gvern.
“Daphne Caruana Galizia kellha għan wieħed: li tara lil Malta teħles mill-jasar tal-ħmieġ tal-korruzzjoni li jwassal għal inġustizzji bla rażan” sostniet Pace Axiak.
Hi fakkret kif l-ex Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Cardona, fl-2015 kien allegat li kien il-moħħ wara komplott biex tinqatel Daphne, kien il-persuna li ffriżat l-assi bankarji ta’ Daphne u li kien involut u nvestigat fuq diversi każi oħra, iżda ma għamel xejn biex jagħti prova tal-innoċenza tiegħu.
Marion Pace Axiak staqsiet x’għamel u x’qiegħed jagħmel il-Kummissarju Angelo Gafa’ fid-dawl ta’ dan kollu?
L-avukat Jason Azzopardi sostna li l-ġustizzja tfisser li kulħadd jieħu dak li ħaqqu għaliex ħadd mhu aħjar minn ħadd. Sostna li għalkemm ħadd mhu perfett u kulħadd jiżbalja, hemm differenza kbira bejn li tagħmel żball ġenwin u bejn li tkun kompliċi fil-ħasil ta’ flus jew f’omiċidju.
“Jeħtieġ li toħroġ il-verita kollha, skomda kemm hi skomda, orribbli kemm hi orribli.” saħaq Azzopardi. Huwa semma kif ma jista’ jinsa’ qatt, dakinhar li nqatlet Daphne Caruana Galizia, id-determinazzjoni azzarija tal-familja tagħha, li ma jħallu ‘l ħadd u ‘l xejn iwaqqaf ix-xogħol tagħha u sostna li “aktar ma t-triq hija twila u diffiċli, aktar hi kbira d-determinazzjoni li naslu, sabiex ikollna pajjiż iktar ġust, u ħieles mill-ħakma tal-idejn mafjużi.”
//= $special ?>