Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Possibbiltà akbar ta’ sehem dirett mill-Belarus

Il-President tar-Russja Vladimir Putin qed jagħmel minn kollox ħalli jipperswadi lill-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, biex jissieħeb fil-gwerra tal-Ukrajna fuq in-naħa tar-Russja.

U ftit tal-ħin ilu, Lukashenko, waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-media, qal li lest biex jippermetti li pajjiżu jservi mill-ġdid bħala bażi minfejn ir-Russi jistgħu jmexxu aktar attakki fuq l-artijiet tal-Ukrajna.

Lukashenko qal ukoll li ‘lest biex jidħol fil-gwerra fuq in-naħa tar-Russja’ iżda għamilha ċara li dan jiddependi minn sitwazzjoni ‘fejn imqar suldat Ukren wieħed jidħol fit-territorju tal-Belarus bil-ħsieb li joqtol liċ-ċittadini’.

Għalissa qed ikomplu l-eżerċizzji konġunti bejn il-qawwiet Russi u l-qawwiet tal-Belarus meta ż-żewġ pajjiżi għandhom storja twila ta’ kooperazzjoni kbira minn aspett politiku u militari

Aktar qabel, is-sorsi infurmati fi Kiev kienu qalu li Lukashenko ‘kien qed jirreżisti l-pressjoni ta’ Moska biex pajjiżu, li jaqsam fruntiera mal-Ukrajna, ikollu sehem dirett u attiv f’dan il-konflitt.’

Intant, fis-sigħat li jmiss mistennija ssir laqgħa, bl-inklużjoni ta’ Putin u Lukashenko u fejn il-pressjoni għandha tikber għall-President tal-Belarus biex pajjiżu jassumi r-rwol aktar konkret fil-konflitt.